F’intervista mal-gazzetta ILLUM, il-Kummissarju tal-Pulizija, Peter Paul Zammit, qal li l-investigazzjoni ta’ Giovanni Kessler bħala kap tal-OLAF kienet u tibqa’ waħda amministrattiva.
“Il-mod ta’ kif saret din l-investigazzjoni u kif inġabru dawn il-provi ma jiswew xejn, ħlief li huma indikattivi ta’ dak li ġara.”
Zammit, b’referenza għal John Dalli, sostna li ma ħassx li kellu jasal f’punt li l-Pulizija tressaq persuna fil-Qorti li ma kelliex provi kriminali dwarha.
“Kellna biss assunzjonijiet,” qal Zammit.
Hu spjega kif il-provi amministrattivi mhumiex biżżejjed għall-akkuża kriminali. Il-Korp għadu għaddej u jibqa’ għaddej bl-investigazzjonijiet sakemm jasal għall-konklużjoni finali dwar dan il-każ.
“Madankollu, irridu noqogħdu attenti sabiex ma nirfsux l-investigazzjoni tal-Qorti li għaddejja bħalissa.”