Aktar minn 4,000 messaġġ mibgħuta dwar każi differiti
Sistemi ġodda tal-IT fil-Qrati Ċivili jħallu l-frott
More in Politika
Sistemi ġodda tal-IT fil-Qrati Ċivili jħallu l-frott
Minn Ottubru s’issa ntbagħtu iktar minn 4,100 messaġġ li għarrfu lill-persuni konċernati li kawża tagħhom fil-Qorti Ċivili ġiet differita.
Qabel ma ddaħħlet din in-notifika, dawk involuti kienu jmorru għalxejn il-Qorti peress li ma kinux jiġu mgħarrfa li l-kawża tagħhom tkun ġiet differita għal data oħra.
Din kienet biss waħda mill-miżuri li ħa l-gvern Laburista biex jaqta’ l-burokrazija żejda fil-Qrati, fost miżuri oħra li introduċew sistemi ġodda tal-informatika biex jieħdu post prattiċi manwali.
Il-miżuri l-ġodda jinkludu l-użu tal-posta elettronika biex jintbagħtu traskrizzjonijiet tax-xhieda, digrieti tal-qrati u referiti lill-avukati tal-partijiet. Minbarra li jagħmlu l-ħajja aktar faċli, dawn il-miżuri kienu maħsuba wkoll biex inaqqsu mid-dewmien biex każ jinstema’ u jingħalaq.
ILLUM hi infurmata li mit-30 t’Ottubru 2013 s’issa, intbagħtu mat-8,700 transkrizzjoni tax-xhieda bl-imejl. Dawn intbagħtu b’mod immedjat kif titlesta t-traskrizzjoni lill-avukati tal-partijiet. Fl-istess perjodu u bl-istess mod, intbagħtu wkoll aktar minn 7,100 digriet tal-qrati ċivili lill-avukati konċernati.
Minn informazzjoni li kisbet din il-gazzetta, anke s-servizz tar-referiti li bdiet titħaddem ftit ġimgħat biss ilu wkoll bdiet topera kif mixtieq.
Infatti mit-3 ta’ Ġunju 2014 s’issa, aktar minn 1,200 referiti tal-marixxalli ntbagħtu lill-prokuraturi legali u l-avukati tal-partijiet.
Fil-passat, dawn ir-referiti kienu jiddaħħlu fis-sistema tal-Qorti u l-verifiki kienu jsiru manwalment, billi l-partijiet jew ir-rappreżentanti tagħhom kienu jmorru r-reġistru u jiċċekjaw manwalment x’sar minn notifiki.
Ta’ min isemmi li s-servizzi tal-imejls u l-messaġġi mhux qed iwasslu għal spejjeż żejda lil gvern. Dan għaliex dawn is-servizzi qed jitħaddmu mill-MITA stess, li hi l-aġenzija tal-gvern għall-Informatika.
Mill-bidu t’April li għadda, il-gvern ħaseb ukoll biex dawk li kellhom bżonn jippreżentaw dokumenti fir-reġistru tal-Qorti t’Għawdex setgħu jagħmlu dan f’Malta u viċi-versa.
Fi kważi tliet xhur, din intużat għal madwar 200 darba. Fil-fatt, l-istatistika li għandha din il-gazzetta turi li 66 att ġew preżentati Għawdex b’konnessjoni ma’ kawżi f’Malta, filwaqt li viċi-versa ġew preżentati 132 att mill-1 t’April ’l quddiem.
L-introduzzjoni ta’ sistemi ġodda tal-informatika huma parti mir-riforma li l-gvern qed iħejji fil-qasam tal-ġustizzja. Preżentament, fil-qrati ċivili r-riforma qed tieħu l-ħajja permezz ta’ dawn il-miżuri immirati biex iżidu l-effiċjenza u jnaqqsu d-dewmien, filwaqt li fil-qrati kriminali r-riforma qed tiffoka fuq l-emendi ta’ bosta liġijiet u d-diskussjonijiet dwar abbozzi legali mill-parlament.