Presidenti Emeriti u eks Prim Ministri ‘voluntiera’ għall-ġid tas-soċjetà
More in Politika
Presidenti Emeriti u eks-Prim Ministri ta’ Malta se jkunu qed iservu ta’ ‘konsulenti’ lil President ta’ Malta dwar il-ġid tas-soċjetà, wara li din il-ġimgħa l-President waqqfet fondazzjoni bl-għan li tixpruna riċerka u konsultazzjoni dwar temi soċjali.
L-eks President u Prim Ministri qablu li jpoġġu fuq il-kunsill tal-gvernaturi, li għandu rwol purament konsultattiv. Din il-gazzetta tista’ tikkonferma kif bix-xieraq, dawn se jkunu qed jagħtu s-sehem tagħhom b’mod totalment volontarju.
“L-inkarigu tal-Presidenti Emeriti u eks Prim Ministri huwa fuq livell
volontarju u għaldaqstant mhux se jkunu qed jitħallsu onorarja tal-parteċipazzjoni,” kkonfermat ma’ ILLUM kelliema għal din il-fondazzjoni.
Fi ħdan il-parametri tal-Presidenza, il-President ħasset li l-aħjar mod
kif tindirizza l-aspetti soċjali li jeħtieġu aktar attenzjoni, setgħu
jintlaħqu permezz ta’ fondazzjoni li tagħmel riċerka u toffri spazju
fejn il-poplu jista’ jiltaqa’ u jiddjaloga b’mod seren.
Kien għalhekk li twaqqfet il-Fondazzjoni tal-President għall-ġid tas-soċjetà li se titmexxa minn dan il-kunsill ta’ gvernaturi, b’bord ta’ maniġment separat.
“Inħass li hemm lakuna f’dak li għandu x’jaqsam ma’ konsultazzjoni wiesgħa u indipendenti, b’hekk kien hemm il-bżonn li tinħoloq sinerġija bejn id-dinja akkademika u l-għerf popolari. Il-Presidenza tista’ toffri spazju newtrali fejn tista’ ssir diskussjoni fuq diversi livelli,” qalet il-kelliema.
Mistoqsija jekk setax isir aktar użu mill-Community Chest Fund u l-Forum tal-President minflok ġiet kreata fondazzjoni ġdida, il-kelliema wieġbet fin-negattiv.
Hi sostniet li l-fondazzjoni se tindirizza aspetti soċjali permezz ta’ konsultazzjoni li l-Forum tal-President ma tindirizzax, filwaqt li l-Community Chest Fund se tibqa’ tgħin lil persuni fil-bżonn bil-fondi tagħha. Il-kelliema qalet li b’kuntrast mal-Community Chest Fund, il-fondazzjoni ġdida mhux se toffri servizzi iżda hi ffukata fuq konsultazzjoni u riċerka.
Biex tilħaq l-għanijiet tagħha, il-Fondazzjoni se twaqqaf erba’ entitajiet differenti: Ċentru Nazzjonali għar-Riċerka dwar il-Familja; Istitut nazzjonali għat-Tfulija; Osservatorju għall-Għixien Xieraq; u Ċentru Ħelsien mid-Dipendenza.
Dawn mistennija jibdew jiffunzjonaw fil-ġimgħat li ġejjin la darba l-President tikkonsulta dwarhom mal-Kunsill tal-Gvernaturi, kif mitlub mill-istatut.
“Il-prijoritajiet tal-erba’ entitajiet ġew individwati b’mod li jkopru
aspetti wiesa’ tas-soċjetà sabiex diversi aspetti soċjali jistgħu jiġu
indirizzati,” tenniet il-kelliema.
Hi m’eskludietx il-probabbiltà li fil-futur jitwaqqfu entitajiet oħra.
Biex ir-riċerka ma tibqax fuq il-karta biss din se tiġi ppreżentata lura lill-istituzzjonijiet tal-pajjiż, lil dawk li jkunu ġew ikkonsultati kif ukoll lis-soċjetà ċivili, bit-tama li bir-riċerka jkun hemm aktar għarfien dwar dak li jixtieq u jaħseb il-poplu.