Diżappunt kbir għad-deċiżjoni tal-Guy

Hemm għadab u diżappunt kbir fil-ħames distrett tal-eks Ministru tat-Turiżmu Karmenu Vella bl-aħbar li Vella (il-Guy) ser jitlaq mill-parlament biex ikun l-Kummissarju l-ġdid fl-UE. Kostitwenti Laburisti li kellmuna qalulna li huma rrabjati li Karmenu Vella ser iħalli distrett li tant appoġġjah.

Il-kostitwenti rrabjati għal Vella
Il-kostitwenti rrabjati għal Vella

Dawn l-ilmenti waslu għand il-Prim Ministru Joseph Muscat li ħa nota tagħhom u qed jipprova jara min jista’ jieħu post Karmenu Vella. Imma r-rabja tant hi kbira li hemm biża’ li ser ikun hemm ħafna astensjonijiet fl-elezzjonijiet li ġejjin.

Ħafna nies li kienu viċin Vella qed jgħidu li hemm bżonn li jkun hemm persuna li jirrappreżenta l-kostitwenti.

Muscat għażel u ħabbar pubblikament li Vella kien ser ikun il-Kummissarju l-ġdid flok Tonio Borg kontra kull prassi. Is-soltu l-pajjiżi membri jistennew sakemm jiġi appuntat il-President il-ġdid minflok Barroso. Imma din id-darba Muscat kien ikkonċernat li jgħaddi mill-martirju ta’ reshuffle għal darb’oħra.

Ħafna minn nies viċin Vella fis-segretarjat spiċċaw bla xogħol u ħafna minnhom lanqas kienu basru li ser jaslu f’din is-sitwazzjoni.

Vella li huwa perit, huwa mill-iktar veteran rispettati fil-PL. Daħal fil-politika ta’ età żgħira u kien viċin il-Perit Mintoff, kien ukoll ministru taħt il-Prim Ministru Mintoff, Karmenu Mifsud Bonnici u Alfred Sant.

L-istil kajman tiegħu u l-karattru kariżmatiku tiegħu baqgħu żewġ fatturi li kabbru mhux naqqsu r-rispett tiegħu bħala politiku li kien magħruf bħala l-guy.

Fi Brussell hu mistenni li ser ikun f’kumpanija tajba, dejjem jekk il-mara tat-tifel tiegħu Miriam Dalli titla’ bħal mhu mistenni fil-Parlament Ewropew. 

More in Politika