Min hu ġewwa u min hu barra!
Ir-reshuffle fil-kabinett
minn Frederick Attard
Prim Ministru Dr Joseph Muscat
Sena minn meta rebaħ l-elezzjoni ġenerali, l-Prim Ministru Joseph Muscat jinsab riesaq lejn l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew li għal ħafna nies se tkun l-ewwel opportunità biex jesprimu s-sodisfazzjon jew delużjoni tagħhom fit-tmexxija tiegħu. Filwaqt li ħafna jemmnu fl-istil ta’ tmexxija li qed juża, għal oħrajn l-għajta ta’ Malta Tagħna Lkoll u l-wegħda tal-meritokrazija baqgħu fuq l-ixkaffa. Il-bidla fil-kabinett kienet ilha tissemma u kienet anke tinħass bħala bżonjuża f’ċerta Ministeri u Segretarji Parlamentari. Nistennew u naraw jekk it-tim il-ġdid ta’ Muscat hux se jkun aħjar jew agħar fix-xhur li ġejjin.
Deputat Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Manifest Elettorali - Louis Grech
Żamm postu fil-kabinett għalkemm fil-bidu tal-leġiżlatura kien hemm min iddubita kemm se jirnexxilu jaħdem minħabba saħħtu. Louis Grech hu negozjatur tajjeb mal-Unjoni Ewropea u jaf minn fejn u kif għandu jgħaddi, b’hekk hu pedina tajba għal Prim Ministru. Fejn jidħol it-twettiq tal-manifest elettorali dan jidher li miexi ’l quddiem ukoll.
Segretarju Parlamentari għall-Presidenza UE2017 u Fondi Ewropej - Dr Ian Borg
Għadu żagħżugħ u jidher li qed jistinka sabiex fondi Ewropej li kienu waslu biex jintilfu minħabba t-tkaxkir tas-saqajn mill-amministrazzjoni preċedenti ġew salvati. Ian Borg però għadu lura fl-esperjenza fil-mezzi tax-xandir u meta tkellem fuq ir-radju jew deher fuq it-televiżjoni ħalla impressjoni ta’ wieħed arroganti.
Ministru għall-Affarijiet Barranin - Dr George Vella
Wieħed mill-veterani fil-Partit Laburista u kien qed jissemma li seta’ jkun hu wieħed mill-ismijiet nominati għal presidenza fi tmiem it-terminu presidenzjali ta’ Dr George Abela. Igawdi ċerta ammont ta’ rispett mil-Laburisti Mintoffjani.
Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol - Evarist Bartolo
Il-Ministru Bartolo jidher impenjat sew sabiex iwettaq it-tibdiliet neċessarji fil-qasam edukattiv u jidher ukoll li qed jikkonsulta mal-partijiet konċernati u jagħti widen partikolari lill-għalliema. Fost l-affarijiet li qed jaħdem fuqhom il-Ministeru hemm it-tisbiħ tal-iskejjel.
Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima - Leo Brincat
Ministru konsistenti iżda jagħmel kollox b’pass kajman.
Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali - Roderick Galdes
Roderick Galdes żamm postu bħala segretarju parlamentari. Hu meqjus bħala bniedem li jdum ħafna biex jieħu deċiżjoni u hu mdawwar b’nies li għandhom ċerta simpatija lejn il-kaċċa.
Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura - Joe Mizzi
Magħruf bħala bniedem bieżel u li ma jiddejjaqx jaffronta l-ebda problema. Spiċċa anke juża s-servizz tal-Arriva personalment biex jara b’għajnejh u jmiss b’idejh dak li kienu qed jilmentaw fuqu l-passiġġiera meta jużaw is-servizz tal-Arriva. Wasal biex finalment ikkonkluda l-kuntratt tal-Arriva u jinsab fi proċess biex jinstab operatur ieħor.
Ministru għal Għawdex - Dr Anton Refalo
Anton Refalo qed imexxi Ministeru li kuntrarjament għall-amministrazzjoni preċedenti, tneħħielu l-qasam tas-saħħa minn taħt idejh. Deċiżjoni li wasslet sabiex isir titjib sostanzjali fl-isptar ġenerali t’Għawdex. Fost l-aktar aħbarijiet riċenti hemm l-għidut li l-Ministeru ta’ Anton Refalo għażel il-ħaddiema kollha tal-istabbiliment Lidl li fetaħ riċentament f’Għawdex. Hemm ukoll bħalissa tixrid ta’ ħsibijiet dwar kif ser jiżviluppaw aħjar l-aċċess bejn iż-żewġ gżejjer. Mina taħt il-baħar, pont jew żvilupp ta’ mitjar huma fost l-ideat li qed jissemmew però sakemm tittieħed deċiżjoni aħħarija, Anton Refalo ħabbar li l-kumpanija Gozo Channel ser tintroduċi tariffi ġodda bi prezz ogħla li tippermetti passiġġiera jaqbżu l-kju!
Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Drittijiet Ċivili – Dr Helena Dalli
Ministru li żammet postha fil-kabinett ta’ Joseph Muscat hija propju Helena Dalli. Ministru li qed taħdem bis-sħiħ sabiex tmexxi ’l quddiem id-drittijiet ċivili mingħajr ma tħalli l-ebda influwenza morali jew xi twemmin reliġjuż inaqqas l-ugwaljanza bejn iċ-ċittadini Maltin.
Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar - Dr Chris Cardona
Il-Ministru Cardona hu meqjus bħala bniedem kapaċissimu u li jaħdem siegħat twal. Hu bniedem li jifhem in-negozju iżda għadu lura fejn tidħol ir-relazzjoni tiegħu mal-mezzi tax-xandir.
Ministru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali - Dr Emanuel Mallia
Ministru li beda billi żar il-ħabs ta’ Kordin għall-għarrieda u sab li wħud mill-gwardjani kienu abbandunaw posthom meta suppost kienu xogħol. Dehret bħala mossa tajba u li tawgura tajjeb iżda maż-żmien l-aħbar li Pulizija nbtagħtu jagħmlu xogħol ta’ waiters bidlet l-opinjoni pubblika fuqu f’kemm trodd salib. Hemm l-għażla tal-Kummissarju tal-Pulizija li l-Oppożizzjoni Nazzjonlista laqqmitu bħala l-pupazz tal-Ministru Mallia kif ukoll li qed ikollu ndħil f’xogħlu anke miċ-Chief of Staff tiegħu Silvio Scerri. Hemm ukoll il-promozzjonijiet mgħaġġla li seħħew fit-tmexxija tal-armata. Manuel Mallia għandu wkoll taħt idejh ix-xandir nazzjonali li, sa qabel l-elezzjoni, kien qed ikun manipulat favur il-gvern Nazzjonalista minn ċertu preżentaturi u djar tal-produzzjoni u għalhekk, l-elettorat kien qed jistenna bidla fit-tmexxija liema bidla baqgħet ma seħħitx. Kien forsi għalhekk li numru kbir ta’ nies kienu qed jantiċipaw li l-Ministru Manwel Mallia se jkun parti mill-bidla fil-kabinett?
Ministru għall-Finanzi - Prof Edward Scicluna
Żamm postu fil-kabinett għalkemm kien ilu jissemma li jista’ jkun hu li jintbagħat lejn Brussell bħala Kumissarju Ewropew. Spikka sew il-kumment ta’ Prof Scicluna dwar is-salarju li kien qed jirċevi bħala Ministru fil-kabinett Malti u li jqisu bħala insult. Ovvjament issa li l-post ta’ Kumissarju Ewropew tilfu lil Karmenu Vella, se jkollu jitqanna bis-salarju li għandu sa tmiem il-leġislatura.
Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa - Dr Konrad Mizzi
Konrad Mizzi kiseb il-popolarità tal-elettorat qabel l-elezzjoni għal mod kif spjega l-possibbiltà li jraħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Wegħda li qed iwettaqha kif ukoll kixef xibka ta’ brimb intern fl-Enemalta li kienu qed jerdgħu flus minn fuq dahar il-poplu biex jipprovdulhom arloġġi tad-dawl imbgħabsa li wasslu għal telf ta’ miljuni ta’ Ewro lejn il-korporazzjoni Enemalta. Spikkat ukoll però l-għażla ta’ martu, Sian Mizzi, bħala konsulenta mal-Malta Enterprise b’salarju fenomenali. Xi jsarraf Konrad Mizzi fl-enerġija nafu però kulħadd għadu sorpriż u dubjuż x’kontribut ser jagħti dan il-ministru fil-qasam tas-saħħa.
Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali - Dr Stefan Buontempo
Stefan Buontempo se jkompli fejn ħalla Josè Herrera li fost oħrajn, bħalissa qed jiffinalizzaw il-bidla fejn jidħlu l-gwardjani lokali, suġġett li għal ħafna nies fisser biss multi bla rażan fuq is-sewwieqa meta l-istess gwardjani jipparkjaw bl-addoċċ basta joħorġu l-multi biex jintlaħqu l-kwoti imposta fuqhom.
Min hu Barra?
Dr Godfrey Farrugia – Eks Ministru tas-Saħħa
Tabib popolari minn Ħaż-Żebbuġ li ngħata wieħed mill-Ministeri l-aktar diffiċli f’pajjiżna. Ministeru ddominat minn tobba u speċjalisti komdi bi prattiċi ta’ xogħol li jippermettulhom li jaqalgħu flejjes tajba fis-settur privat. Sa mill-bidu nett, Godfrey ġarr ukoll miegħu lis-sieħba tiegħu, id-dentista Marlene Farrugia, li fi żmien ftit jiem, kien beda jidher ċar li qed ikollha sehem f’dak li kien qed jagħmel u jaħdem fuqu l-Ministru Godfrey Farrugia. Is-sitwazzjoni baqgħet li kienet fl-isptar Mater Dei u għalkemm il-Ministru kellu uffiċċju fl-istess sptar, dan ftit li xejn kien effettiv. Fiċ-ċirkostanzi, l-Prim Ministru Joseph Muscat ingaġġa lil John Dalli bħala konsulent fuq ir-riforma tal-isptar Mater Dei, mossa li ma niżlet xejn tajjeb mal-Ministru u s-sieħba tiegħu. Mal-ewwel sinjali ta’ bidla fil-kabinett, dehret ovvja li l-Prim Ministru kien qed jikkunsidra bidla fit-tmexxija tal-Ministeru tas-Saħħa. Bidla li kienet ukoll diskussa fuq il-mezzi soċjali minn Marlene Farrugia. Hu mifhum li l-Prim Ministru offra Ministeru alternattiv lil Godfrey Farrugia liema offerta ma ġietx milqugħha u għalhekk offra r-riżenja tiegħu.
Mr Franco Mercieca – Segretarju Parlamentari għall-Anzjani
Franco Mercieca beda l-kariga tiegħu bħala Segretarju Parlamentari b’kontroversja hekk kif kien magħruf li baqa’ jipprattika l-professjoni tiegħu ta’ speċjalista tal-għajnejn. Kontroversja li wasslet sabiex il-Prim Ministru tah konċessjoni speċjali bi kritika qawwija mill-Oppożizzjoni. Franco Mercieca rriżenja sabiex, skont hu, ikompli x-xogħol professjonali tiegħu kemm fil-qasam tas-saħħa pubbliku u dak privat.
Marie Louise Coleiro Preca – Ministru Politika Soċjali
Marie Louise Coleiro Preca ħalliet kontra qalbha l-Ministeru li tant kienet tħobb sabiex saret il-Kap tal-istat Malti fl-ogħla kariga, dik ta’ President tar-Repubblika. Il-President Coleiro Preca se jkollha responsabbiltajiet addizzjonali ma’ dawk tradizzjonalment abbinati mal-Presidenza ta’ Malta.
Karmenu Vella – Ministru tat-Turiżmu
Karmenu Vella se jħalli postu sabiex ikun il-Kumissarju Ewropew Malti u se jieħu post Dr Tonio Borg bħala l-Kummissarju ta’ Malta għall-Ewropa.
Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali - Dr Michael Farrugia
Tabib li fi żmien il-Gvern ta’ Alfred Sant bejn l-1996 u l-1998 kien Ministru tas-Saħħa. Matul din il-leġislatura kien Segretarju Parlamentari responsabbli għal MEPA. Michael Farrugia ġie mgħobbi bil-Ministeru li kien abbilment immexxi minn Marie Louise Coleiro Preca qabel inħatret President ta’ Malta. Ministeru diffiċli li jrid iħabbat wiċċu mar-realtajiet li qed jiffaċċjaw il-familji Maltin minn diversi oqsma tal-ħajja fosthom il-faqar soċjali. Wieħed irid jistenna u jara jekk Michael Farrugia hux se jkompli jibni fuq dak li kienet qed twettaq Marie Louise Coleiro Preca jew jekk hux ser jaqleb kollox biex ikollu s-sistemi tiegħu.
Segretarju Parlamentari għad Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà u Anzjanità Attiva - Dr Justyne Caruana
Għawdxija li kienet urtata li tħalliet barra mill-kabinett oriġinali ta’ Muscat sena ilu wara li ħadmet kemm felħet fil-gżira Għawdxija biex tiżgura rebħa Laburista. Bir-riżenja ta’ Franco Mercieca, kienet ovvja li Muscat ser jagħti post Franco Mercieca lil Justyne Caruana biex iżomm il-bilanċ mal-Għawdxin kif ukoll jirrikonoxxi ħidmietha li kienet ukoll ikkaraterizzata bl-episodju meta twasslet minn Għawdex permezz ta’ ħelikopter tal-Forzi Armati biex tilħaq titjira fuq impenn tal-gvern.
Segretarju Parlamentari għall-Kompetittività u Tkabbir Ekonomiku -
Dr Josè Herrera
Dehret ċara daqs il-kristall waqt il-ġurament tal-ħatra sena ilu li Josè Herrera xejn ma kien kuntent bil-portafoll li ngħata. Lanqas post minn fejn jaħdem ma kellu u spiċċa ħa l-uffiċċju tas-Sur Ray Attard – CEO tat-Teatru Manoel u poġġa ruħu hemm bħala l-uffiċċju tiegħu. Fost l-aktar deċiżjonijiet li ġibdu l-attenzjoni tal-pubbliku kienet l-istqarrija ta’ Josè Herrera li jibda jorganizza tliet Karnivalijiet fis-sena. Deċiżjoni li wasslet lill-pubbliku biex ixerred xalata ta’ ħsibijiet speċjalment fuq il-mezzi soċjali.
Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport - Chris Agius
Chris Agius hu magħruf bħala l-Wefi u ġej mill-Kottonera. Ma tantx hu magħruf għalkemm ilu deputat parlamentari sa mill-1996. Il-fatt li kien involut f’diversi għaqdiet sportivi u soċjali jaf iservu sabiex jibda fit-triq it-tajba.
Ministru għat-Turiżmu - Dr Edward Zammit Lewis
Ħabib personali u jgawdi fiduċja assoluta mil-Prim Ministru Joseph Muscat tant anke siefru flimkien biex jaraw logħba futbol. Il-kariga ġdida hi meqjusa bħala apprezzament bejn il-ħbieb u għad irridu naraw x’se jsarraf Edward Zammit Lewis fejn jidħol is-settur tat-turiżmu, settur li jimpjega ammont sostanzjali ta’ nies u hi settur importanti wkoll għall-ekonomija ta’ pajjiżna.
Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u Simplifikazzjoni Amministrattiva - Dr Michael Falzon
Michael Falzon hu magħruf għall-ħiliet organizzattivi tiegħu però fl-istess ħin hu mdawwar b’ċerta xettiċiżmu rigward is-simpatija tiegħu lejn il-logħob tan-nar, il-kaċċa (hu stess kaċċatur) kif ukoll għall-fatt li hu viċin ta’ żviluppaturi fil-kostruzzjoni.
Segretarju Parlamentari għas-Saħħa - Dr Chris Fearne
Tabib pedjatriku magħruf fil-qasam tas-saħħa li se jħalli l-professjoni medika, li trendi flejjes tajba kemm bħala konsulent fl-isptar pubbliku kif ukoll mill-ammont ta’ konsulti fil-privat, biex jieħu inkarigu full-time bħala Segretarju Parlamentari għas-Saħħa. Qasam li matul l-aħħar sena spiċċa fi kritka kontinwa rigward l-eks Ministru Godfrey Farrugia wara li dan, għalkemm waqqaf anke uffiċċju fl-isptar stess, baqa’ ma solva l-ebda problema u l-iffullar ta’ pazjenti fil-kuriduri żdied tant li spiċċa anke fetaħ parti mill-isptar San Luqa biex ilaħħaq mad-domanda għas-sodod. Għalkemm se jkun taħt il-kappa tal-Ministru Konrad Mizzi, Ministru li m’għandux idea tal-qasam mediku, hu magħruf li l-Prim Ministru jemmen bis-sħiħ fir-rapport ta’ John Dalli u hu mistenni li Chris Fearne se jkollu bħala prijorità t-twettiq ta’ dan ir-rapport. Għad irridu naraw jekk bħala tabib huwiex l-aħjar għażla biex is-settur tas-saħħa jissaħħaħ u jitranġa.
Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali - Dr Owen Bonnici
Promozzjoni denja u xierqa lil Owen Bonnici minn Segretarju Parlamentari għal Ministru bħala rikonoxximent lejn ħidmietu. Kellu bidu diffiċli meta kien taħt il-kappa tal-Ministru Manwel Mallia u wara konsultazzjoni mal-Prim Ministru, ingħata l-ispazju li kellu bżonn sabiex jitħalla jaħdem u fil-fatt wera xi jsarraf.