Riċentament kien hemm il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta għamel appell lill-banek sabiex dawn inaqqsu r-rati tal-interess fuq is-self.
Schembri qal li immedjatament talab lill-Gvernatur sabiex imur quddiem il-Kumitat Parlamentari u jagħmel preżentazzjoni fejn jispjega kif wasal għal din il-konklużjoni.
“Din il-preżentazzjoni wriet biċ-ċar li t-tħassib li kelli huwa fattwali. Filwaqt li nifhem li l-banek qegħdin hemm sabiex jagħmlu profit, wieħed irid iżomm f’moħħu li l-banek għandhom obbligu lejn is-soċjetà kif ukoll lejn l-ekonomija tal-pajjiż.”
Id-deputat Laburista spjega kif mingħajr tkabbir ekonomiku l-funzjoni ta’ bank tiċkien ħafna. Minn naħa l-oħra mingħajr l-attività kummerċjali ta’ self tal-banek it-tkabbir ekonomiku jkun wieħed limitat ħafna.
Ir-rata ta’ imgħax għal-Non Financial Corporations (NFCs) tal-banek Maltin hija waħda pjuttost għolja mqabbla ma’ dik tal-pajjiżi Ewropej. Fil-fatt Malta hija l-ħames l-iktar għolja wara Ċipru, Greċja, Portugall u Slovenja u iktar għolja mill-medja Ewropea. Wieħed jinnota wkoll illi l-Italja u Spanja, li huma pjuttost stressed economies, ukoll għandhom rati inqas minn Malta.
L-ekonomista Schembri sostna li jeħtieġ ninnutaw li filwaqt li fl-2009 s-self għan-negozju mill-banek kien qiegħed jiżdied b’rata ta’ 14%, dan beda nieżel sena wara sena sakemm s-sena l-oħra laħaq iż-0%.
Meta tqabbel din ir-rata mal-medja ta’ dawk il-pajjiżi li m’għandhomx inkwiet ekonomiku, wieħed jara li l-banek Maltin mhumiex isegwu l-istess triq. Dan joħroġ mill-fatt ukoll li filwaqt li fis-sena 2009 id-differenza tar-rata li joffri l-Bank Ċentrali Ewropew u dik li joffru l-banek Maltin kienet ta’ 2.8%, fl-2013 din telgħet għal 4.8% mentri pajjiżi bħal Lussemburgu din id-differenza baqgħet stabbli tul is-snin.
“Ċertu banek qegħdin jargumentaw li l-banek lokali - il-core banks - għandhom kompetizzjoni ma’ banek li jinvestu l-flus tagħhom barra minn Malta peress li joffru rata ta’ imgħax ferm iktar. Però fir-realtà, in-non core banks ippenetraw biss parti żgħira - dik għall-imgħaxijiet ta’ iktar minn 3 snin - għax 89% jippreferu jiddepożitaw il-flus tagħhom ma’ banek Maltin,” enfasizza Schembri.
Minn naħa l-oħra, id-deputata tal-Partit Nazzjonalista Kristy Debono qalet li ma tistax tispjega r-raġuni wara dan l-appell tad-deputat Silvio Schembri.
“Huwa fatt li l-banek f’Malta huma profittabbli però l-banek jistgħu qed iżommu dawn il-profitti biex jibnu bażi ta’ kapital b’antiċipazzjoni għal kriterji regolatorji fuq il-kapital li jistgħu jintalbu li jkollhom fil-futur. Raġuni oħra tista’ tkun biex isostnu l-flow of funds lill-Gvern peress li l-Gvern huwa debitur sinifikanti tal-banek lokali,” kompliet Debono.
Hi qalet li matul is-sena 2013, id-domanda għal kreditu, jiġifieri għas-self, naqset u jidher li din is-sena wkoll se tkompli jonqos. Normalment in-negozji jissellfu l-flus mill-banek meta lanqas iħossu li hemm xi riskji. “Allura ma nemminx li issa huwa żmien opportun li wieħed jieħu deċizjoni mingħajr analizi dettaljata dwar il-politka monetarja.”
Debono sostniet li m’għandux ikun hemm indħil mill-gvern. “Aktar minn hekk ma nemminx li għandu jkun hemm indħil politiku fi swieq kapitali, però jista’ jkun li huwa żmien li nibdew nanalizzaw possibilitajiet fejn il-Gvern iniedi istituzzjoni forsi anke mfassla fuq in-National Development Banks li għandhom pajjiżi oħra u li permezz ta’ din l-istituzzjoni jew istituzzjoni simili jiġu stabbiliti benchmarks fir-rati tal-interessi fuq self għall-intrapriżi żgħar u medji, sabiex is-suq isir aktar kompetittiv iżda b’mod effettiv.”
Madankollu, dan hu settur sensittiv li żgur jeħtieġ ħafna studju u analiżi qabel ma tittieħed xi deċiżjoni oħra. L-unika ekonomista fil-grupp parlamentari Nazzjonalista qalet li ma taħsibx li fuq settur daqstant sensittiv wieħed għandu jipprova jkun populist, definittivament proposta bħal dik tad-deputat Schembri tista’ tappella u mad-daqqa t’għajn tinżel tajjeb iżda mhux neċessarjament tkun l-aktar waħda għaqlija ekonomikament u finanzjarjament fiż-żmien preżenti.
“B’mod konkret nemmen li jeħtieġ ukoll aktar fondi mill-UE dedikati għall-inġinerija finanzjarja fejn jidħlu self low-cost u b’kollateral baxx.”
Debono qalet li r-Rati tal-Interessi f’Malta huma relattivament għolja però l-banek għadhom qed isellfu b’mod normali għal kuntrarju ta’ pajjiżi oħra, u kif semmejt id-domanda għas-self qiegħda tonqos.