L-iktar kandidat b’esperjenza fil-Parlament Ewropew

David Casa dwar il-ħidma tiegħu bħala MEP, il-meritokrazija u x-xandir nazzjonali

Akkost li nitilfu l-voti, lill-poplu dejjem urejnieh il-verità - David Casa
Akkost li nitilfu l-voti, lill-poplu dejjem urejnieh il-verità - David Casa

Età – 45 sena
Professjoni – Membru tal-Parlament Ewropew 
Ikel favorit – Ikel Taljan
Ktieb li qed taqra bħalissa – Illustrissimi: Letters from Pope John Paul I
Persunaġġ mejjet li tammira - Giulio Andreotti

 

David Casa ilu attiv fil-politika għal dawn l-aħħar 25 sena. Bħala membru fundatur u sussegwentement Segretarju Ġenerali tal-Moviment Iva, kellu rwol ċentrali fil-kampanja favur is-sħubija ta’ Malta mal-Unjoni Ewropea fil-perjodu ta’ qabel ir-referendum.

Casa kien ukoll maħtur bħala segretarju tal-Kumitat ta’ Tmexxija u ta’ Azzjoni Malta-UE. Kien l-Assistent Personali tal-Professur Guido de Marco, Ministru tal-Affarijiet Barranin u Deputat Prim Ministru. Ħadem ukoll bħala konsulent ta’ Joe Borg, Ministru tal-Affarijiet Barranin. Kif ukoll koordinatur Inter-Ministerjali għal Kwistjonijiet tal-UE fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin. 

Casa huwa l-iktar kandidat b’esperjenza fil-Parlament Ewropew, hekk kif ilu membru ta’ dan il-parlament sa mill-2004. Huwa l-uniku kandidat li se jikkontesta għal din l-elezzjoni għat-tielet darba konsekuttiva. Bħala Membru tal-Parlament Ewropew (MEP) f’isem il-Partit Nazzjonalista, ħa r-responsabbiltà li jkun rapporteur għal żewġ rapporti sensittivi ħafna, jiġifieri l-Fond Ewropew għas-Sajd u l-adozzjoni tal-munita Ewro mis-Slovakkja.

Fil-fatt ir-rapport li bih is-Slovakkja ssieħbet fiż-Żona Ewro jqisu bħala l-iktar ħidma importanti li għamel u li jibqa’ jiftakar fil-Parlament Ewropew.

Bħalissa għaddej b’ritmu mgħaġġel fil-kampanja tiegħu għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew f’Mejju li ġej. Fil-fatt Jum San Valentinu kien għalih jum ieħor ta’ ħidma. Mistoqsi kif qatta’ dan il-jum iddedikat għall-maħbubin, hu wieġeb: “Il-Ġimgħa ħadt sehem fuq programm fuq ir-radju, wara dhert fuq it-TV, imbagħad kelli l-home visits u wara ftit ħin ta’ mistrieħ.”

Iżda mhux dejjem il-ħidma tiegħu fil-Parlament Ewropew kienet apprezzata minn kulħadd. Matul dawn l-aħħar ġimgħat, Casa flimkien mal-MEP Nazzjonalista Roberta Metsola ħadmu qatigħ sabiex il-Parlament Ewropew jiddiskuti l-iskema kontroversjali tal-bejgħ taċ-Ċittadinanza mill-Gvern Laburista. Hemm min ra dan l-aġir bħala wieħed pożittiv, iżda oħrajn ċanfruh u għajruh traditur ta’ pajjiżna. Tlabtu jikkummenta dwar dan.

“Akkost li niġi mgħajjar traditur bl-ikbar serenità nerġa’ nagħmel dak li għamilt għaliex l-identità Maltija hija ferm aktar ta’ valur minn kemm jaħsbu xi wħud. Jien iddefendejt il-valuri Maltin u Ewropej li nemmen fihom, jekk għax għamilt dan allura hawn min jaħseb li jien traditur m’għandi l-ebda problema, biss persważ li l-poplu jaf min kien fuq in-naħa tas-sewwa.”

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew spjega kif din il-kwistjoni ma kellhiex tasal sa dan il-livell. 

“Hi ħasra li l-Prim Ministru Malti ma tax każ l-appelli tal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil u li din il-liġi daħlet fis-seħħ bil-mod kif daħlet qabel l-emendi.”

Hu sostna li dan il-fjask ma kienx iseħħ, kieku l-Gvern Laburista rrispetta l-proċess demokratiku bi djalogu kif meħtieġ.

Meta l-poplu jagħżel li ma jeleġġinix, naċċetta dak il-verdett b’serenità. David Casa

Fil-fatt staqsejtu jekk jaħsibx li wara għaxar snin fl-istess kariga, wieħed għandu jimxi ’l quddiem u mhux jerġa’ jikkontesta. Casa wieġeb li f’pajjiż demokratiku l-poplu huwa sovran. 

“Huwa l-poplu li jiddeċiedi meta jkun wasal iż-żmien ta’ politiku biex jirtira. Meta l-poplu jagħżel li ma jeleġġinix bħala rappreżentant tiegħu, allura naċċetta dak il-verdett b’serenità.”

Casa li kien ukoll kandidat fl-elezzjoni ġenerali s-sena l-oħra fuq il-ħames u s-sitt distrett jgħid li biex il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jikseb il-fiduċja tal-poplu, jeħtieġ li jisma’ u jiġġenera ruħu bħalma qed jagħmel. 

“B’dan ma rridx infisser li jgħid iva lil kulħadd akkost li jikseb il-voti. Il-Partit Nazzjonalista qatt ma kien u qatt mhu ser ikun partit tal-gimmicks.”

Casa qal li dejjem ra li jħares l-interessi ta’ Malta anke f’każi fejn kien hemm MEPs Maltin fosthom il-Prim Ministru li ried itellef miljuni ta’ ewro lil pajjiżna biex jieħu vantaġġ politiku.

“Jien tgħallimt li akkost li nitilfu l-voti lill-poplu dejjem urejnieh il-verità. Aħna mhux partit tal-gimmicks. Aħna partit tal-fatti kif urejna f’dawn l aħħar 25 sena. Il-Partit Nazzjonalista kien il-Partit li dejjem żamm l-appuntament mal-istorja.”

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista qal li minn naħa l-oħra s-Soċjalisti kienu, għadhom u jibqgħu l-Partit tal-ħabi, tal-klikek u tal-konfoffi. “Wara 25 sena l-poplu tahom ċans, iżda jidher biċ-ċar li kien marketing tajjeb biss. Jista’ jkun li l-PN weġġa’ jew urta xi nies matul 25 sena fil-gvern u dawn l-iżbalji tajjeb jiġu indirizzati, imma ħadd ma jista’ jinnega li l-PN bidel lil Malta għal aħjar.”

Mistoqsi jikkunsidrax lilu nnifsu bħala liberali u x’jaħseb dwar Simon Busuttil u l-pożizzjoni tiegħu dwar il-gays, Casa wieġeb: “Jien Nazzjonalist, u iva nħossni komdu ħafna bil-pożizzjoni tal-Kap tiegħi dwar din il-kwistjoni.”

Dwar l-adozzjoni ta’ tfal għall-koppji tal-istess sess, Casa jemmen li f’każi bħal dawn għandna dejjem inġibu l-interess tat-tfal l-ewwel u qabel kollox. Sostna li l-fulkru tad-deċiżjoni għandhom ikunu t-tfal u mhux min ser jaddottahom. “L-importanti huwa li jikbru f’ambjent trankwill u li jingħataw l-attenzjoni u l-imħabba kollha li jistħoqqilhom.”

Dwar il-meritokrazija, Casa qal li aħjar wieħed iħares lejn il-gvern preżenti u jagħmel analiżi tal-ħatriet li ta fi ftit xhur, milli dak li jkun jipponta subgħajh lejn il-Partit Nazzjonalista. 

“Pjuttost naħseb li taħt amministrazzjoni Nazzjonalista, in-Nazzjonalisti kienu żvantaġġjati propju għax kienu Nazzjonalisti. Dejjem kellna sistema taċ-ċivil li wieħed seta’ jafda fiha u huwa ta’ tħassib li din l-amministrazzjoni preżenti qed tagħti ħatriet mhux lil min ħaqqu, imma lil min deher fuq billboard.”

Iżda lura għal kwistjoni tal-iskema taċ-ċittadinanza b’investiment, staqsejt lil Casa jekk jemminx li din tista’ tkun ta’ inċentiv għall-ekonomija ta’ pajjiżna. Hu sostna li huwa proprju dan li ppruvaw ifhiemu lill-Prim Ministru Joseph Muscat qabel ma għażel li jumilja ruħu u lil pajjiżna.

“Orbot din l-iskema ma’ waħda ta’ investiment għidnielu. Iżda hu għażel li jirrombla minn fuq kulħadd qabel mal-Kummissjoni Ewropea għamlitlu offerta li ma setax jirrifjuta u kellu jemenda l-iskema tal-IIP għar-raba’ darba. Gvern li jisma’ tabilħaqq - minnu nnifsu biss.”

Staqsejtu x’jaħseb dwar il-kritika ta’ wħud li Brussell huwa gravy train (fejn jiddaħlu l-flus imma ma jsirx xi xogħol ta’ barra minn hawn), hu kien pront iwieġeb li din hija insinwazzjoni bla bażi. Casa qalli li jekk hawn min jaħseb li x-xogħol fi Brussell huwa xalata, tajjeb iħares madwaru u jara ftit il-proġetti li jsiru bis-saħħa tal-Unjoni Ewropea. L-ammont kbir ta’ studenti li jgawdu minn boroż ta’ studju, l-iskemi għal min jispiċċa bla xogħol u l-mijiet ta’ opportunitajiet oħra.

“Forsi nagħmlu sew minflok noqogħdu nikkritikaw l-istituzzjonijiet u npinġuhom bħala xi post fejn isiru l-orġji Rumani, inqajmu aktar interess fuq dak li toffri l-UE u nressqu din l-informazzjoni aktar viċin tal-poplu. Is-sensazzjonaliżmu ma jagħmel ġid lil ħadd.”

Casa qed jaħdem ħafna sabiex iqarreb l-Ewropa lejn in-nies. Hu enfasizza li rridu kemm jista’ jkun nuru dak li toffri l-Ewropa liċ-ċittadin u ma nkomplux inpinġuha aktar bħala xi ħaġa li tbeżża’. “L-Ewropa għandha tkun għodda għal kull wieħed u waħda minnha biex nużawha bil-għaqal ħalli ngħixu ħajja aħjar.”

Dwar il-kwistjoni taħraq tal-immigrazzjoni irregolari, Casa sostna li mhuwiex minnu li wieħed jgħid li ma sar xejn. Iżda jaqbel li għad hemm ħafna xi jsir u jemmen illi din il-problema għandha tkun dejjem prijorità fuq l-aġenda tagħna. “Jekk tħares ftit lura u tara fejn qegħdin issa, tkun qiegħed tqarraq jekk tgħid li ma sar xejn. Tajjeb li nifhmu li l-immigrazzjoni mhux problema tal-Mediterran biss, il-Baltiċi għandhom il-problemi mil-Lvant u l-Iskandinavi għandhom l-istess problema mir-Russja u pajjiżi Nordiċi oħrajn.”

L-Ewroparlamentari Nazzjonalista saħaq li rridu nsibu soluzzjoni ħolistika għal dawn in-nies li jieħdu riskji kbar biex isibu ħajja aħjar u għall-pajjiżi bħal Malta li jospitahom.

Meta staqsejtu jsemmi xi ħaġa tajba li jara fil-Partit Laburista, Casa semma li jammira nies bħal Marlene Farrugia li ma jiddejqux jgħiduha kif iħossuha.

Dwar Franco Debono u Jeffrey Pullicino Orlando, Casa fisser kif huwa irrelevanti x’jaħseb hu dwarhom. B’ton sarkastiku wieġeb: “Nispera biss li jibqgħu jħennu għal min hu inqas ixxurtjat minnhom u li qalbhom tibqa’ taħraqhom għall-fqir u li jibqgħu l-paladini tal-verità u tal-ġustizzja anke taħt din l-amministrazzjoni.”

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista qal li wisq jibża’ li l-PBS qed isir jixbah lil Xandir Malta aktar ma jgħaddi ż-żmien. Il-libertà tal-espressjoni, sostna Casa, hija sagrosanta f’kull pajjiż demokratiku u allaħares tibda tiġi mhedda. Is-sinjali li rajna fl-aħħar xhur m’huma sbieħ xejn.

“Kull bniedem ta’ rieda tajba għandu dritt isemma leħnu, żgħir kemm hu żgħir. Din hija waħda mil-libertajiet li tana gvern Nazzjonalista fl-1987 u m’għandiex tittieħed bħala xi ħaġa ovvja. Niftakru biss li fil-passat riċenti, kont tiġi mhedded jekk tieħu n-nazzjon fuq il-post tax-xogħol u li x-xandir kien ordnat ma jsemmix isem Eddie Fenech Adami. Min jinsa l-passat ikun ikkundannat jerġà jgħixu!”

More in Politika