Il-politika m’għandix tkun pjan għall-irtirar - Plumpton
Kevin Plumpton jitkellem għall-ewwel darba wara l-kumment fuq iċ-ċittadinanza
minn Jerome Caruana Cilia
Età: 30 sena
Professjoni: Prattika ma’ Ditta Legali
Pajjiż favorit: Ir-Renju Unit
Ktieb li qed taqra bħalissa: I am Malala
Politiku li tammira: Angela Merkel
Kevin Plumpton beda jimmilita fil-politika ta’ età żgħira u dejjem ħass li postu hu fil-politika. Il-motivazzjoni tiegħu hi li jkun aġent tal-bidla, li jara l-pajjiżu jkompli sejjer ‘il quddiem u li jkompli jtejjeb il-livell tal-għixien tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.
“Ta’ tletin sena żgur nista’ nagħti ħafna enerġija. Nemmen li l-politika fil-każ tiegħi m’għandix tkun pjan għall-irtirar, iżda servizz li noffri fl-aqwa ta’ ħajti u għalhekk, inqisu bħala kumpliment kull min jirreferi għalija bħala l-kandidat żagħżugħ.”
Għall-ewwel darba, Plumpton tkellem dwar il-kummenti li kien qal dwar il-kwistjoni tal-iskema taċ-ċittadinanza, fejn fuq Facebook kien qal li “issa wasal iż-żmien li l-Oppożizzjoni, is-soċjetà ċivili u l-poplu Malti u Għawdxi jingħaqdu biex din l-iskema tkun waħda ta’ suċċess.” Huwa qal ukoll li l-PN, jeħtieġ li jirtira l-protest ġudizzjarju mill-Qorti għaliex, “issa, fl-aħħar, il-Gvern sema’ minna u mill-Kummissjoni Ewropea.”
Il-kandidat tal-PN qal li jkun qed jigdeb kieku jgħid li ma ħalliet l-ebda impatt. “Nista’ ngħid l-episodju saħħaħni, u anzi qed inżid il-ħidma. Kieku għandi media black out miniex qed nagħmel din l-intervista.”
Hu sostna li żamm lura milli jgħaddi xi kummenti mal-mezzi tax-xandir, sabiex dawn ma jintużawx għal skopijiet partiġġjani mill-Partit Laburista. Plumpton enfasizza li l-kumment kien sempliċiment jirrifletti l-opinjoni personali tiegħu u issa għalih il-kwistjoni hija magħluqa.
“Il-PN għandu tim magħqud li qed jiġbed ħabel wieħed” Kevin Plumpton
“Case closed. Nassigurak li mal-partit u b’mod speċjali ma’ Simon iddiskutejtha immedjatament, u r-relazzjoni jekk xejn issaħħet u żgur mhux iddgħajfet.”
Meta lil President tal-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista (MŻPN) staqsejtu dwar il-kritika li qed issirlu, li qabel l-elezzjoni l-MŻPN kien rieqed u kemxejn semma’ leħnu, filwaqt li issa qed jerġa’ jqum u dan sempliċiment sabiex jidher hu, hu wieġeb: “L-MŻPN dejjem kien u għadu attiv, iżda trid tapprezza d-differenza bejn Partit fl-Oppożizzjoni u Partit fil-gvern. Huwa fatt li mill-elezzjoni ‘l hawn qed naraw mewġa ta’ nies ġodda, ħafna żgħażagħ li qed iġibu enerġija ġdida u li qed tiġi riflessa fil-ħidma tal-MŻPN.” Assigurani li l-MŻPN dejjem ħadem bla heda biex imexxi l-ideali tiegħu ‘l quddiem. “Forsi llum iktar b’mod viżibbli.”
Dwar it-telfa storika tal-PN, Plumpton qal li partit politiku ma jistax jibqa’ jiggverna għal dejjem, inkella pajjiżna jiġi monarkija. Dan ifisser li dak li ġara s-sena li għaddiet hija xi ħaġa naturali u mhux eċċezzjonali.
Il-kandidat għall-Parlament Ewropew qal li issa l-Partit Nazzjonalista għandu tim ta’ tmexxija ġdida, b’saħħitha u friska. Isostni li għandu grupp parlamentari dinamiku u magħqud.
“Irrid Ewropa saqajha mal-art, viċin iċ-ċittadin, li tisma’ u taġixxi” Kevin Plumpton
“Il-PN diġà qed ikun, bil-provi, Oppożizzjoni dinamika, b’saħħitha u Oppożizzjoni li mhix intimidata bil-fatt li d-distakk tas-siġġijiet fil-Parlament hu daqshekk kbir. Ġenwinament nemmen li we’re on the right track.”
Hu jemmen li l-Partit ma jridx jistrieħ fuq in-nuqqasijiet tal-Partit Laburista, iżda jrid ikompli jkun kredibbli u dinamiku, u fl-istess ħin ifassal programm b’saħħtu, b’politika mġedda sabiex meta jasal il-waqt jippreżentawhom lill-poplu.
Staqsejtu jekk huwiex liberali u mill-ewwel wieġeb lit-timbri ma jħobbhomx. Hu fisser kif irid ikollok sett ta’ prinċipji sodi u tipprova tmexxihom ‘l quddiem fil-kuntest ta’ kif jaħdem partit demokratiku fejn il-kolleġġjalità u d-deċiżjonijiet kollettivi għandhom iwasslu għall-pożizzjoni li hija fl-aħjar interess tal-poplu.
Dwar il-kwistjoni tad-drittijiet ċivili tal-omosesswali f’pajjiżna, hu jaħseb liż-żewġ partiti b’mod matur qegħdin jaqblu fuqha.
“Jien l-ewwel wieħed irrid ngħix f’pajjiż li jagħti opportunitajiet indaqs lil kulħadd.”
Rigward l-adozzjoni hu sostna kemm hu importanti li nammettu lkoll li wieħed irid jistudja l-implikazzjoni ta’ deċiżjonijiet bħal dawn fuq it-tfal u fuq is-soċjetà, filwaqt li naraw ukoll li d-deċiżjonijiet tagħna ma jkunux diskriminatorji. “Huwa suġġett diffiċli u bħal kull suġġett li mhux straight forward, kull politiku għandu jingħata l-ispazju biex jifforma opinjoni u biex dik l-opinjoni tkun rispettata.”
Plumpton ma jaqbilx li s-sistema ta’ patrunaġġ żdiedet taħt Gvern Nazzjonalista. Anzi, huwa konvint li taħt Eddie Fenech Adami u Lawrence Gonzi pajjiżna għamel passi kbar sabiex jonqos il-patrunaġġ f’pajjiżna.
“Biżżejjed ngħidlek li taħt gvernijiet Nazzjonalisti, il-persentaġġ ta’ nies jaħdmu mal-Gvern niżel minn 45% għal 25%. Filwaqt li taħt Joseph Muscat żdiedu b’aktar minn 1,000 u wħud minnhom b’€13,000 fix-xahar għax il-mara tal-ministru.”
Hu qal li l-maġġoranza tal-Maltin emmnu li Muscat kien se jkompli jnaqqas il-patrunaġġ bl-għajta tal-meritokrazija u ta’ ‘Malta tagħna lkoll.’
“Il-verità hi li Muscat ma żammx kellmtu u minflok, il-livell ta’ patrunaġġ f’pajjiżna diġà laħaq livelli ta’ vulgarità.
Staqsejtu jekk jaħsibx li l-iskema taċ-ċittadinanza tista’ tagħti spinta lill-ekonomija Maltija. Hu wieġeb: “Ifhem, kieku naqbdu l-bini storiku, l-palazzi u l-biċċiet tal-arti li għandu l-istat u nibdew inbigħuhom lill-biljunarji, naħseb din il-miżura wkoll tista’ tagħti spinta lill-ekonomija Maltija. Imma bla dubju ta’ xejn tkun ġennata kbira.”
Il-verità hi waħda, sostna l-kandidat tal-PN, il-mod kif il-Prim Ministru u l-Gvern tiegħu mexa fuq l-iskema taċ-ċittadinanza kienet ukoll ġennata. Ma kkonsulta ma’ ħadd, irrombla fuq il-Parlament u wara ħafna insistenza kellu jċedi u jibdel il-liġi erba’ darbiet.
Hu tenna li fil-proċess saret ħsara kbira lill-pajjiżna u lill-kredibilità tagħna madwar id-dinja. “Ċert li l-ħtija hija biss tal-Gvern u tar-ras iebsa tal-Prim Ministru. Naħseb l-ikbar spinta li rajna s’issa mhux fl-ekonomija, imma spinta fil-vanaglorja ta’ Prim Ministru ambizzjuż li ma jrid jaħdem ma’ ħadd.”
Il-President tal-MŻPN jemmen li l-Ewropa trid tikkomunika aktar u aħjar, taġixxi aktar malajr fuq kwistjonijiet li jaffetwaw il-ħajja taċ-ċittadini Ewropej kollha, tnaqqas il-pompa u formalità tal-attivitajiet u l-funzjonijiet tagħha.
“Fi kliem ieħor, trid tkun aktar Ewropa saqajha mal-art, viċin iċ-ċittadin, li tisma’ u taġixxi.”
Hu spjega kif illum il-ġurnata, id-deċiżjonijiet li jittieħdu fi Brussell jaffettwaw lill-Maltin fil-ħajja ta’ kuljum, bħalma jaffettwaw lil 500 miljun Ewropew.
“Semmi li trid: il-kwalità tal-arja, l-ikel, il-ġugarelli tat-tfal, is-saħħa. Dawn kollha kwistjonijiet li l-MEPs iridu jħabbtu wiċċhom magħhom. Għalhekk irid ikollna MEPs li moħħhom hemm x’qed jiġri, l-ħin kollu u jkunu proattivi fl-interess ta’ pajjiżna.”
Jemmen li l-fatt li tkun għassies fuq il-Gvern ta’ pajjiżek stess huwa parti minn xogħol l-MEP. MEP jisma’ l-kostitwenti, għax lil dawn irid jagħti kont u għandu dritt jistaqsi dwar dak li jikkonċerna l-kostitwenti tiegħu, mingħajr ma jiġi mgħajjar traditur, kompla Plumpton.
Fil-fatt staqsejtu x’jagħmel dwar l-immigrazzjoni irregolari li kieku jiġi elett MEP u kien pront iwieġeb li lest li jaħdem favur l-interess ta’ pajjiżu u favur id-drittijiet fundamentali tal-immigranti irregolari. Isostni liż-żewġ pożizzjonijiet mhux bilfors għandhom ikunu kontrastanti.
“Aħna għandna nkunu politiċi li nużaw kemm moħħna u qalbna f’kull ħin u t-tnejn flimkien.”
Plumpton qal li diġà esprima l-pożizzjoni tiegħu meta mexxa delegazzjoni f’Lampedusa, fejn salpa minn Malta u mar biex isellem il-memorja tal-immigranti li kienu għerqu fl-aħħar tas-sajf li għadda, u biex jifhem il-problemi aktar mill-qrib.
“Irridu naraw azzjoni mhux kliem. L-assistenza trid tingħata fil-pajjiż li qed jiddipartixxu minnu, irridu naraw rilokazzjoni serja, fejn kull pajjiż iġorr ir-responsabbiltà.”
Hu fisser li hija kwistjoni ta’ volum, għaliex Malta hija żgħira, u għalhekk għandna nibqgħu nsostnu l-argument b’determinazzjoni, sakemm nikkonvinċu lil bqija ta’ sħabna jgħinuna nerfgħu dan il-piż.
“Imma żgur mhux ser insolvu l-problema biż-żenofobija, bil-pushbacks, bir-razziżmu.”
Plumpton jammira l-marketing tal-Partit Laburista. “Jafu jiksu l-messaġġ tagħhom b’pakkett modern u viżwalment sabiħ.”
Hu jemmen li John Rizzo ma kellux jitneħħa minn Kummissarju tal-Pulizija “minħabba l-każ ta’ John Dalli.” Filwaqt li hu kontra li John Dalli “nħatar biex imexxi Mater Dei.”
Meta staqsejtu x’jaħseb dwar l-eks deputati tal-PN, Franco Debono u Jeffrey Pullicino Orlando, hu sostna li llum kulħadd jista’ japprezza aktar minn xiex kellu jgħaddi l-eks Prim Ministru u eks Kap tal-PN Lawrence Gonzi. “Issa l-Partit Nazzjonalista jista’ jaħdem ħafna aħjar għax hemm tim magħqud jiġbed ħabel wieħed.
Mistoqsi dwar x’jaħseb mill-PBS, Plumpton wieġeb: “naħseb li l-aħbarijiet tal-ONE issa saru jibdew fit-8pm.”