“Erba’ sfidi importanti quddiem il-PN” – Simon Busuttil
ILLUM tkellmet ma' Simon Busuttil rigward l-isfidi li qed jaffaċċja l-Partit Nazzjonalista
minn Frederick Attard
F’diskors li għamel din il-ġimgħa waqt laqgħa mal-Kunsillieri Lokali fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista, il-Kap tal-Partit Simon Busuttil saħaq li l-Partit Nazzjonalista qiegħed jaħdem biex jindirizza erba’ sfidi bl-iskop li jsaħħaħ l-istrutturi u l-politika tiegħu kif ukoll biex ikun iżjed relevanti għaż-żmien li ġej.
Busuttil tkellem dwar l-erba’ sfidi li l-Partit Nazzjonalista għandu quddiemu u li jrid jattwa b’impenn u bi professjonalità.
Meta tkellem dwar l-ewwel sfida, Simon Busuttil qal li llum il-ġurnata, minn sitt fergħat, il-partit għandu għaxar fergħat li qed jaħdmu b’mod professjonali u organizzat. Dwar it-tieni sfida Busuttil qal li l-politika tal-Partit Nazzjonalista qed tkun aġġornata biex il-partit ikun aktar relevanti għaż-żminijiet tal-lum.
Tkellem ukoll fuq it-tielet sfida li din tikkonċerna l-mezzi tax-xandir tal-Partit Nazzjonalista u l-ħtieġa li dawn ikunu ristrutturati filwaqt li r-raba’ sfida hi li l-PN ikompli jindirizza l-finanzi tiegħu.
Din il-gazzetta tkellmet mal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil dwar dawn l-erba’ sfidi individwali fejn tlabnieh jidħol f’aktar dettall.
Meta mistoqsi dwar liema huma l-erba’ fergħat ġodda u x’tibdil sar fil-fergħat li kien hemm eżistenti, Busuttil spjega li l-erba’ fergħat il-ġodda huma Forum Opportunitajiet Indaqs Partit Nazzjonalista, Forum Professjonisti Partit Nazzjonalista, il-Kulleġġ Eks Deputati tal-Partit Nazzjonalista u l-Kulleġġ Kandidati tal-PN. Qal li llum, il-Partit Nazzjonalista għandu total ta’ għaxar fergħat li kollha qegħdin jiffunzjonaw b’mod regolari. “Il-mira tagħna hi li f’dawn il-fergħat, ikomplu jiżdiedu aktar nies differenti li jidħlu jimmilitaw fil-PN għall-ewwel darba, kif fil-fatt qed jiġri” qal Busuttil.
Rigward it-tieni sfida u l-bżonn li l-politika tal-Partit Nazzjonalista tkun aġġornata biex il-partit ikun aktar relevanti għaż-żminijiet tal-lum, staqsejna lil Dr. Busuttil kif qed isir dan l-aġġornament u ma’ min qed jikkonsulta dwar dan it-tibdil. Fit-tweġiba tiegħu Busuttil qal li l-ġimgħa li għaddiet, il-Partit Nazzjonalista waqqaf għaxar policy fora li huma gruppi tematiċi biex jistudjaw u jipproponu ideat u proposti ġodda sabiex jiġu adottati bħala parti mill-politiki tal-Partit Nazzjonalista. Hu qal li dawn il-fora twaqqfu taħt l-awspiċi tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista u se jkunu post fejn wieħed ikun jista’ jiddiskuti diversi politiki u fihom hu mistieden kull min b’xi mod jew ieħor, jew għandu xi esperjenza jew relatat ma’ tema jew oħra. Semma li l-għaxar policy fora huma dwar viżjoni fit-tul għal pajjiżna, ekonomija u xogħol, politika soċjali, edukazzjoni, saħħa, ambjent u agrikultura, kultura u kreattività, ġustizzja u intern, affarijiet Ewropej u barranin u Għawdex.
Dwar it-tielet sfida li tikkonċerna l-mezzi tal-Partit Nazzjonalista u l-ħtieġa li din tkun ristrutturata, meta mitlub jikkummenta fiex wasal dan ir-ristrutturar u kif se jaffettwa r-radju, it-televiżjoni, gazzetta u l-mezzi diġitali, il-Kap Nazzjonalista qal li r-ristrutturar tal-mezzi tax-xandir qed jitmexxa mis-Segretarju Ġenerali Chris Said u grazzi għad-deċiżjonijiet li ħa, f’anqas minn sena, intlaħqet il-viabbiltà finanzjarja kemm tal-partit kif ukoll tal-mezzi tax-xandir tiegħu. “Issa bdejna l-proċess biex insaħħu l-kontenut tal-mezzi tax-xandir tagħna, kemm fil-programmi kif ukoll fl-aħbarijiet. Dan qed isir ukoll b’nies ġodda li qed jagħżlu li jingħaqdu magħna f’dan il-proġett” qal Busuttil.
Mitlub finalment jikkummenta dwar ir-raba’ sfida li ssemmi l-ħtieġa li l-PN ikompli jindirizza l-finanzi tiegħu. Busuttil qal li l-isfida finanzjarja tal-partit għadha ma ngħelbitx iżda żgur li saru passi importanti ’l quddiem. “Kif għidt, wara sena lħaqna l-viabbiltà finanzjarja kemm fl-operazzjonijiet tal-partit kif ukoll tal-entitajiet kummerċjali tiegħu. Issa bdejna nindirizzaw ir-ristrutturar ta’ dejn tal-passat. Jiena konvint li din l-isfida kapaċi ngħelbuha wkoll” temm jgħid il-Kap Nazzjonalista.