Mill-iskandlu tal-Vitals sal-ġenoċidju f’Gaża

L-ILLUM tagħti ħarsa ħafna lejn il-punti ewlenin li sawru s-sena 2024

Kienet sena bħall-oħrajn, imma kien hemm mumenti partikolari u singulari li ma nistgħux ninsew. Is-sena 2024 kienet is-sena meta s-supremazija tal-Partit Laburista Malti dehret ċara li waslet biex tibda t-triq tan-niżla.

Rajna sena fejn il-fattur tal-Eks Prim Ministru Joseph Muscat baqgħet taħdem fuq il-mod kif jaħseb il-Partit Laburista, cjoè l-Gvern Laburista.

Minkejja kollox l-ekonomija baqgħet b’saħħitha ħafna minkejja li jidher li f’ċerti oqsma hemm tnaqqis viżibbli.

Il-Prim Ministru Robert Abela bħala mexxej u bħala Prim Ministru ta’ Malta kien taħt pressjoni kbira, imma baqa’ jmexxi l-Partit tiegħu minkejja li fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew naqqas il-maġġoranza tiegħu.

Kien mument ukoll li minflok ma ħa l-ħtija għat-tnaqqis elettorali weħħel f’kulħadd u f’ta’ madwaru. U biex il-PL mingħalih jidher qed jinbidel, ħatar żewġ mexxejja ġodda: Ian Borg u Alex Agius Saliba.

Fuq in-naħa l-oħra kieku ma kienx għall-iżbalji tal-Gvern Laburista, in-numru ta’ skandli, kif ukoll l-effett ta’ Roberta Metsola, kieku Bernard Grech bħala kap tal-Partit Nazzjonalista ma kienx jakkwista dawn l-avvanzi elettorali.

Infatti Grech jibqa’ fis-sondaġġi persuna li ftit li xejn timpressjona u dana għaliex jidher li huwa politiku bla viżjoni, bla kariżma u fuq kollox ankrat f’politika medjokri. Minkejja dan, Grech qisu ma ndunax bil-limitazzjonijiet politiċi tiegħu.

Robert Abela wkoll għandu problemi endemiċi. Ġie akkużat u kkritikat internament li jbiddel fehmtu malajr u ma jħarisx lejn is-soluzzjoni fit-tul. Dan deher ċar fil-każ tal-Vitals. Wara l-konklużjoni tal-inkjesta dwar il-każ ta’ Vitals, ried jagħmel minn kollox biex itaffi l-effett li Joseph Muscat l-eks Prim Ministru Laburista kien ser jitressaq fuq akkużi kriminali.

Il-pubblikazzjoni tal-inkjesta qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’Ġunju, kellhom effett diżastruż fuq il-votant Laburist u dawk tan-nofs.

Wisq aktar inkwetanti kien l-impatt kollaterali fuq il-futur politiku tad-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Chris Fearne li kien intgħażel minn Abela biex ikun il-Kummissarju appuntat minn Malta fl-Ewropa. Fearne kellu jirtira n-nomina tiegħu u jirriżenja minn deputat mexxej f’mossa li wriet ċar u tond il-qsim bejn Fearne u Abela.

Minflok Chris Fearne ntgħażel Glenn Micallef, il-kap tas-segretarjat ta’ Abela, għażla li tkompliet iżżid id-dwejjaq internament fil-Partit Laburista għax f’għajnejn ħafna Laburisti ta’ ġewwa rawh bħala persuna li kien ta ftit wisq lill-PL u kien għadu żgħir.

Wisq aktar inkwetanti li fl-inkjesta Vitals u Stewards kien hemm stejjer u fatti li juri bl-iktar mod ċar kif personaġġi viċin Muscat għamlu minn kollox biex isiru sinjuri minn fuq flus il-poplu u kif dan il-ftehim ma’ grupp ta’ barranin bla esperjenza fil-qasam tas-saħħa ġie miftiehem minkejja li ma kien fl-ebda gwadann għal Malta. Intriċċi li tant kienu xokkanti li ċerti nies bdew jistaqsu jekk l-involviment ta’ ċerti fil-politika f’isem il-PL kienx wieħed malinn u malizzjuż.

Minkejja kollox il-poplu Malti mhux qed ħażin, anzi

Mir-rapport tal-inkjesta li l-gazzetta oħt MaltaToday ippubblikat rajna wkoll min-naħa l-oħra sparpaljar ta’ fondi kbar – infatti miljuni kbar – f’investigazzjonijiet u konklużjonijiet li ħafna drabi ma kinux denji ta’ xjentist forensiku serju u professjonali.

L-inkjesta Vitals wasslet ukoll li ħafna persuni, involuti fil-ftehim tal-isptarijiet privati mill-qasam amministrattiv u tekniku, jitpoġġew taħt l-att tal-akkuża (mhux kollha imma l-biċċa l-kbira). U dan kollu kompla jimmina l-fiduċja taċ-ċivil fil-Gvern u min imexxi.

Is-sena 2024 kienet sena fejn it-temi politiċi li ddominaw il-pajjiż kienu pjuttost l-istess: it-traffiku, il-barranin, l-ambjent, il-kostruzzjoni u l-għoli tal-ħajja.

Kien hemm l-istess tip ta’ diskussjoni fqira mingħajr xi soluzzjonijiet speċjali. L-ebda risposta drakonjana, ħlief għad-dikjarazzjonijiet ta’ Bernard Grech u qisu hu biss kellu s-soluzzjoni għal din ir-realtà. Soluzzjoni bbażata fuq dikjarazzjonijiet li jixprunaw mudell ekonomiku nebuluż mill-Partit Nazzjonalista li skontu kien żgur jindirizza dawn il-problemi.

Meta Malta ma kinitx qed tisma’ garr fuq il-problemi kien hemm l-iskandli, fosthom dawk tal-benefiċċji soċjali u l-każ ta’ Clayton Bartolo, il-Ministru tat-turiżmu.

Imma aktar ma għadda żmien, aktar il-votant kien konvint li l-uniku mod kif l-elezzjoni tintrebaħ hi li tiġi lura Roberta Metsola li bħalissa tokkupa l-pożizzjoni tal-President tal-Parlament Ewropew. 

Min-naħa l-oħra, il-Labour għadhom jemmnu li minkejja kollox għandhom l-aħjar tim biex jirbħu l-elzzjoni li ġejja. U li Robert Abela jibqa’, fiċ-ċirkustanzi, hu l-aħjar persuna li tmexxi l-PL għar-rebħa tagħhom.

’Il bogħod mit-temi lokali, kien hemm l-istejjer barra minn xtutna: Ir-rebħa ta’ Donald Trump kontra Kamala Harris fl-Istati Uniti, id-dgħufija tal-Ewropa u r-rinaxximent tal-lemin, il-gwerra fl-Ukrajna. Imma iktar viċin tagħna kien hemm il-kriżi ta’ vera fil-Lvant Nofsani.

Il-gwerra krudili ta’ Iżrael kontra n-nisa u t-tfal ġewwa Gaża, u mbagħad il-Libanu, u tista’ tgħid il-mod kif id-dinja ħarset in-naħa l-oħra lejn l-Istat ta’ Iżrael komplew joqtlu bla ħniena nies innoċenti, tikkonferma kif qed ngħixu f’dinja bla regoli u rispett għad-dinjità tal-bniedem.

Mhux kollox dwejjaq u dlam.

Il-Maltin u l-Għawdxin jibqgħu, bħala poplu, fost l-aktar ġnus li għandhom kwalità ta’ ħajja għolja fid-dinja. Ngħixu ħajja trankwilla, fejn kulħadd għandu opportunitajiet, għandna servizzi edukattivi u tas-saħħa għoljin u għandha l-flus fil-but. Propjetarji ta’ darna, u sidien ta’ karozzi u anke djar sekondarji.

Impjiegi għandna kemm trid u l-ekonomija tidher li se tkompli kif kienet. Insiefru ħafna u l-familji Maltin u Għawdxin jafu jiddevertu. Fuq livell internazzjonali qed nagħmlu isem b’politiċi Maltin, fosthom Ian Borg u Roberta Metsola.

U minkejja kollox, għandna diskussjoni f’Malta li hija ħajja, dinamika, assertiva, demokratika u pluralista.

L-2025 tista’ tkun sena iebsa, tista’ tkun waħda tajba. Għadu kmieni wisq, nawguraw li jiġri x’jiġri, nibqgħu niftakru li aħna pajjiż wieħed, ġens wieħed u li flimkien kollox possibbli.

More in Politika