Kmieni din il-ġimgħa tħabbret il-mewt tal-eks Ministru Nazzjonalista Alexander Cachia Zammit, fl-età ta’ 90 sena.
It-Tabib Cachia Zammit, li kien magħruf ma’ kulħadd bħala t-tabib Sandy, jibqa’ marbut l-aktar maż-Żejtun, fejn qatta’ l-parti l-kbira ta’ ħajtu fejn fost oħrajn kien ukoll President tal-Banda Beland.
Cachia Zammit għamel snin twal involut fil-politika, fejn ikkontesta l-ewwel elezzjoni tiegħu fl-1955 mal-Partit Nazzjonalista u ġie elett mal-ewwel. Hu serva bħala Ministru tas-Saħħa u Ministru tax-Xogħol u s-Servizzi Soċjali taħt it-tmexxija ta’ Ġorġ Borg Olivier bejn l-1962 u l-1971, kif ukoll bħala Deputat Nazzjonalista taħt it-tmexxija ta’ Eddie Fenech Adami bejn l-1971 u l-1987.
Sandy Cachia Zammit kien irtira mill-politika fl-1987 u wara serva għal numru ta’ snin bħala Ambaxxatur ta’ Malta għas-Santa Sede.