Stefan Caruana, li kien wieħed mill-kontendenti għar-rwol ta’ Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, irtira n-nomina tiegħu u mhux se jikkontesta l-elezzjoni għal din il-kariga.
Caruana ħabbar dan fi post fuq Facebook nhar l-Erbgħa waranofsinhar, wara li informa lill-Kap tal-PN Bernard Grech bid-deċiżjoni tiegħu.
Għalliem bi professjoni u kunsillier lokali f’Ħal Gudja, Caruana huwa wkoll in-neputi tal-attivist maqtul Raymond Caruana, li nqatel f’Diċembru tal-1986 waqt li kien qed jattendi riċeviment fil-każin tal-PN f’Ħal Gudja. Il-qtil tiegħu għadu ma ġiex solvut.
Filwaqt li rringrazzja lil dawk li appoġġjaw il-kandidatura tiegħu, Caruana spjega li l-irtirar tiegħu huwa dovut għad-deċiżjoni li jikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss.
"Iltaqajt mal-Kap tal-Partit Bernard Grech u infurmajtu li wara l-iżviluppi tal-aħħar jiem, mhux se nikkontesta l-elezzjoni għas-segretarju ġenerali. Madankollu, wegħdtu li se nagħmel minn kollox biex ngħin lill-partit jirbaħ l-elezzjoni ġenerali li jmiss," kiteb Caruana.
Id-deċiżjoni tiegħu tfisser li issa s-siġġu ta’ Segretarju Ġenerali se jkun ikkontestat minn Charles Bonello, eks-assistent tal-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi, u Liam Sciberras, kunsillier f’Santa Luċija.
Is-segretarju ġenerali attwali, Michael Piccinino, kien ħabbar is-sajf li għadda li se jħalli l-kariga wara r-riżultati tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-kunsilli lokali f’Ġunju. Oriġinarjament, kellu jieħu postu Karl Gouder, iżda l-mewt tiegħu ħesrem fetħet mill-ġdid l-elezzjoni interna
Il-ġimgħa li għaddiet, l-eżekuttiv tal-PN ġie mitlub minn Piccinino biex jibda formalment il-proċess għall-elezzjoni ta’ segretarju ġenerali ġdid. Din il-kariga tiġi eletta mill-membri tal-kumitat eżekuttiv tal-partit.