Jittraskuraw l-offerti tal-Gvern
Hemm 7,000 żagħżugħ li bħalissa m’għandhomx xogħol, mhux qed jirreġistraw għax-xogħol u lanqas qegħdin isegwu studju f’xi istituzzjoni edukattiva
minn Frederick Attard
Waqt żjara li għamel fl-MCAST din il-ġimgħa, il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, Evarist Bartolo qal li minn total ta’ 7,000 żagħżugħ u żagħżugħa ta’ bejn it-18 u l-25 sena li ntalbu jipparteċipaw f’xi waħda mill-iskemi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ biex ikomplu jistudjaw jew jitħarrġu, kienu biss madwar 400 li rrispondew. Jirriżulta li wħud minn dawn is-7,000 la qed jaħdmu u lanqas qed jirreġistraw għax-xogħol.
Bartolo, li kien qed iżur lil grupp ta’ studenti li qed jieħdu l-privat biex jagħmlu r-resits tas-SEC fil-Malti, fl-Ingliż, fil-Matematika u fil-Fiżika, qal li b’kollox applikaw 1,337 student u studenta, li wħud minnhom applikaw għal aktar minn suġġett wieħed. L-applikazzjonijiet fis-suġġetti kollha jlaħħqu l-2,348.
Żied jgħid li madankollu, mhux l-istudenti kollha li applikaw għall-privat qed jattendu għax jirriżulta li huma biss 68% li qed jattendu l-privat mogħti taħt l-iskema tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ. L-aktar li applikaw kien fil-Matematika b’770 applikazzjoni u fl-Ingliż b’692 applikazzjoni. Il-lezzjonijiet qed jingħataw f’żewġ ċentri f’Malta u wieħed f’Għawdex.
Il-Ministru Bartolo qal li l-akbar sfida mhux ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ, iżda li ż-żgħażagħ ikomplu jistudjaw għax ħafna qed jitilqu mill-iskola mingħajr ħiliet bażiċi. Għalhekk, qal li qed issir l-istrateġija biex iż-żgħażagħ ikomplu jistudjaw u l-istipendju qed jingħata għal sena waħda li jirrepetu biex ikunu inċentivati jkomplu jistudjaw.
Din il-gazzetta tkellmet ukoll mad-Deputat Nazzjonalista u Kelliem għall-Edukazzjoni Joe Cassar li min-naħa tiegħu qal li l-Partit Laburista kien wiegħed iż-żgħażagħ garanzija ta’ edukazzjoni, taħriġ u xogħol u li għalhekk il-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol huwa responsabbli sabiex iwettaq din il-wegħda elettorali lil tant żgħażagħ Maltin u Għawdxin.
Cassar qal li l-Gvern qed jikkalkula li hemm 7,000 żagħżugħ u żagħżugħa li bħalissa m’għandhomx xogħol, mhux qed jirreġistraw għax-xogħol u lanqas qegħdin isegwu studju f’xi istituzzjoni edukattiva. Żied jgħid “Dan ifisser li l-Gvern Laburista għandu l-obbligu u r-responsabbiltà li jipprovdi għal taħriġ jew xogħol għal dawn iż-żgħażagħ skont dak li kien wiegħed fil-programm elettorali tiegħu”.
Il-kelliem Nazzjonalista saħaq li l-inizjattiva li ħa Gvern Laburista sabiex jgħin lil dawn iż-żgħażagħ kienet li permezz ta’ fondi strutturali tal-Unjoni Ewropea saret skema fejn żgħażagħ qed jiġu offruti taħriġ u esperjenza ta’ xogħol għal tmintax-il ġimgħa biss. “Il-Ministeru tal-Edukazzjoni għamel ħafna pompi dwar din l-iskema imma issa bdew joħorġu r-riżultati fejn fi kliem il-Ministru Bartolo stess huwa jinsab diżappuntat li kienu 400 biss minn 7,000 li urew interess fl-iskema kif magħmula mill-Gvern Laburista.”
Cassar qal ukoll li bħala parti mill-iskema tal-Garanzija taż-Żgħażagħ qed jingħata tagħlim għal dawk l-istudenti li qed jirrepetu l-eżamijiet tas-SEC, il-Ministeru ħabbar li wieħed minn kull tlieta mhux qed jattendu u jidher sa issa l-Ministeru mhu jieħu l-ebda inizjattiva dwar kif se jħajjar dawn iż-żgħażagħ li jaf qed jaqtgħu qalbhom biex ikomplu jistudjaw.
“Dan huwa messaġġ ċar li ż-żgħażagħ iridu xi ħaġa differenti mingħand il-Gvern Laburista dwar il-garanzija ta’ taħriġ u xogħol. Il-Gvern jeħtieġ li jpoġġi bilqiegħda u janalizza b’mod serju l-falliment tal-iskema u tal-wegħda elettorali li huwa għamel liż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin” qal Cassar.
Żied li “l-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol issa għandu r-responsabbiltà li jara għalfejn din l-iskema kien hemm nuqqas ta’ konkorrenza la l-Gvern Laburista kien qed jistenna li jilħaq ħafna iktar żgħażagħ. Hemm bżonn ta’ evalwazzjoni serja li turi għalfejn din l-iskema ma rnexxietx. Ma nistgħux inkomplu naħlu r-riżorsi li għandna minħabba inkompetenza fit-tmexxija u iktar u iktar il-Gvern għandu responsabbiltà sabiex jgħin liż-żgħażagħ tagħna li jkollhom esperjenzi li jgħinuhom jiksbu iktar ħiliet u jidħlu fid-dinja tax-xogħol formali.”
Id-Deputat Nazzjonalista insista li l-Iskema tal-Garanzija taż-Żgħażagħ ġiet maħduma mill-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, u f’dan il-każ il-Ministru Evarist Bartolo ma jistax iwaħħal fid-Dipartimenti jew l-Aġenziji Governattivi kif għamel f’okkażjonijiet oħra. Temm jgħid li “In-nuqqas ta’ suċċessi ta’ din l-iskema hija direttament responsabbiltà tal-Ministru Evarist Bartolo li qabbad nies qrib tiegħu u ta’ fiduċja tiegħu sabiex jippjanaw u jimplimentaw din l-iskema. Issa li fallew il-miri ta’ Gvern Laburista li jilħaq lil dawn iż-żgħażagħ nisperaw li ssir evalwazzjoni serja u anke tibdil lil din l-iskema sabiex aktar żgħażagħ ikunu jistgħu jirċievu dak li ġew imwiegħda”.