Sistema ġdida biex tilqa’ l-ilmenti dwar id-djar tal-anzjani
Tnieda freephone ġdid biex wieħed jirrapporta l-ilmenti tiegħu
minn Frederick Attard
Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà u Anzjanità Dr Justyne Caruana ħabbret din il-ġimgħa li se jkun qiegħed jintuża mekkaniżmu ġdid biex jilqa’ l-ilmenti dwar ir-residenzi tal-anzjani. Caruana spjegat li dan il-mekkaniżmu se jitħaddem permezz ta’ freephone ġdid, 80072367 u imejl għall-ilmenti, [email protected]. Qalet ukoll li permezz ta’ dan is-servizz is-Segretarjat se jkun qiegħed iqassam l-ilmenti aħjar u se jkun qiegħed jaħdem b’kollaborazzjoni diretta mat-tim tal-awditjar biex b’hekk ikunu iktar effiċjenti u effikaċi.
Mitluba tikkummenta minn din il-gazzetta dwar din l-inizjattiva, Caruana qalet “bħala Segretarjat ħassejna li kellna nieħdu azzjoni peress li matul iż-żmien kien ikun hemm ammont sostanzjali ta’ lmenti fuq djar residenzjali għall-anzjani mhux biss fuq djar tal-Gvern iżda anke djar immexxija mill-privat. Għalhekk waqqafna dan il-freephone u imejl apposta biex inkunu nistgħu nindirizzaw il-problemi aħjar.”
Spjegat li persuna mis-Segretarjat tagħha se tkun qiegħda tieħu dawn l-ilmenti u tindirizzahom direttament lejn it-tim tal-awditjar li għandna, biex b’hekk kull ilment jiġi investigat.
“Dan qegħdin nagħmluh ukoll f’konformità sħiħa mal-istandards nazzjonali għar-Residenzi tal-Anzjani li bħalissa qed issir konsultazzjoni pubblika dwarhom. Matul il-laqgħat ta’ konsultazzjoni mar-residenti rċivejna lmenti fuq residenzi differenti u se nkunu qegħdin nindirizzawhom fiż-żmien li ġej. Kif jiġu ppubblikati dawn l-istandards nazzjonali, ikollna bażi aħjar fuqiex nimxu u nkunu nistgħu nirregolaw aħjar ukoll id-djar privati għall-anzjani, li s’issa m’għandniex awtorità nindaħlu bħala Segretarjat Parlamentari Responsabbli mill-kura għall-anzjani” qalet Caruana.
Is-sistema tal-awditjar se taħdem billi s-segretarjat se jgħaddi l-ilmenti li jirċievu lit-tim tal-awditjar biex jagħmlu l-investigazzjoni meħtieġa. Wara t-tim tal-awditjar jippreżenta lura r-reazzjonijiet tiegħu lis-segretarjat u jinforma x’azzjoni se tkun qiegħda tittieħed u sa meta tkun se tittieħed l-azzjoni, biex b’hekk ikun hemm idea ċara ta’ meta se jkun qiegħed jitlesta x-xogħol.
Tkellimna wkoll mad-Deputat Nazzjonalista u Kelliem għall-Anzjani Mario Galea li min-naħa tiegħu qal li dejjem tajjeb li tiffaċilita l-ilmenti tan-nies aktar u aktar meta dawn ikunu anzjani. Żied li fl-opinjoni tiegħu però ftit li xejn se jinbidlu affarijiet minn kif kienu.
Mitlub jikkummenta għaliex jaħsibha b’dan il-mod, Galea qal li l-ilmenti se jibqgħu jittieħdu minn impjegati tal-ministeru, jiġifieri l-istess kif kien u għadu jiġri sal-lum.
“L-ilmenti li se jsiru permezz ta’ telefonati li jistgħu jsiru f’ħinijiet tal-uffiċċju biss l-istess kif issir illum inkella jistgħu jsiru bil-posta u jew online. Nagħmilha ċara li s-sistema ta’ bħalissa qed taħdem u m’hemm xejn ħażin li t-telefonati jittieħdu mill-ħaddiema tal-ministeru. Anzi l-fatt li l-ilmenti qed jaslu għand is-Segretarju Parlamentari jfisser li s-sistema tabilħaqq qed taħdem. Ovvjament dejjem hemm lok li tbiddel imbasta għall-aħjar” qal il-kelliem Nazzjonalista.
Galea qal ukoll li jekk se ssir bidla kien ikun aħjar kieku l-helpline jitħaddem minn professjonisti mħarrġa apposta biex jieħdu dawn it-telefonati. “Nies imħarrġa apposta jistgħu jagħtu parir lil min qed iċempel u anke jkunu mħarrġa biex jiżnu jekk l-ilment partikolari għandux bżonn ta’ intervent immedjat, bħal ngħidu aħna l-anzjan involut ikun f’xi periklu iminenti.”
Saħaq ukoll fuq punt importanti dwar min se jkun qed jinvestiga dawn l-ilmenti. “Li tirċievi rapporti u lmenti huwa importanti imma daqstant ieħor importanti min se jkun qed jinvestigahom. Idea li kont diġà ddiskutejt mal-kollega l-Onorevoli Justyne Caruana kienet li lmenti bħal dawn jidħlu għand il-Kummissarju tal-Anzjani – kariga u uffiċċju li jeżisti diġà u li diġà bil-liġi għandu d-dmir jinvestiga każijiet ta’ abbuż tal-anzjani jew ilmenti minn anzjani li jinsabu f’xi istituzzjoni” qal Mario Galea.
Temm jgħid li f’materja bħal din żgur m’għandux ikun hemm kontroversja politika. “Sinċerament naħseb li ftit se jinbidlu l-affarijiet bl-inizjattiva li ħabbret is-Segretarju Parlamentari. Nemmen li bi ftit aktar ħsieb din l-inizjattiva tista’ titjieb. Nieħu l-okkażjoni biex nibqa’ nħeġġeġ lil kulħadd biex jirrapporta kull suspett ta’ abbuż fuq l-anzjani.”