Children’s Allowance qabel jiftħu l-iskejjel
Xi jgħid il-pubbliku dwar it-tqassim taċ-Children's Allowance qabel tibda l-iskola? In-nefqa annwali f'Children's Allowance bħalissa tlaħħaq madwar €43.5 miljun
minn Frederick Attard
Il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia ħabbar li, kif sar is-sena li għaddiet, l-allowance tat-tfal se terġa’ tingħata qabel jiftħu l-iskejjel, u dan se jibqa’ jsir ukoll fis-snin li ġejjin. Huwa qal li bħalissa għandna ’l fuq minn 43,000 familja jirċievu din l-allowance li allura jfisser li qed igawdu minnha madwar 68,110 tifel u tifla. In-nefqa annwali f’Children’s Allowance bħalissa tlaħħaq madwar €43.5 miljun.
“L-iskop ta’ dan il-Gvern huwa li jkompli jaħdem biex isib metodi aħjar ta’ kif nistgħu ntejbu l-Allowance tat-Tfal biex b’hekk dawk l-aktar fil-bżonn jintlaqtu aħjar” qal Farrugia. Huwa qal ukoll li kien għalhekk li l-Gvern ħabbar li, minbarra l-Allowance tat-Tfal se jibda jagħti wkoll Supplimentari għat-Tfal, fejn l-ewwel żewġ ulied jirċievu €400 kull wieħed kull sena, waqt li għal kull wild ieħor joħroġ ħlas ta’ €200 fis-sena. Huwa stmat li n-nefqa totali fuq is-supplimentari tat-tfal tista’ titla’ sa €9 miljuni.
“Bi ftehim mal-Ministeru tal-Edukazzjoni qed jiġi stabbilit li dan il-ħlas jitħallas fuq dawk l-ulied li jkunu attendew mhux inqas minn 95% tal-ġranet tal-iskola u fejn il-familja ma jkollhiex dħul ta’ aktar minn €11,000 fis-sena” qal Farrugia. Żied jgħid li ma’ dan qed jintrabat ukoll il-fattur li t-tfal ikunu qed jingħataw il-kura meħtieġa b’mod speċjali t-tilqim, kif suppost u fil-ħin.
Il-Ministru spjega li l-intenzjoni tal-Gvern hija l-ħarsien tat-tfal u l-futur tagħhom. “Fejn qabel it-tfal setgħu jfallu tlitt ijiem skola fix-xahar mingħajr ma jagħmlu ċertifikat mediku, issa dan se jispiċċa, għaliex b’dik is-sistema tifel jew tifla setgħu jfallu madwar 27 ġurnata skola. Dawn il-benefiċċji u miżuri qed isiru ħalli nevitaw milli naraw familji u tfal jaqgħu fir-riskju tal-faqar.”
Farrugia kompla jgħid li fl-aħħar tliet snin tal-amministrazzjoni preċedenti r-rata ta’ persuni fir-riskju tal-faqar telgħet minn 20.3% għal 23.1%, waqt li l-ammont ta’ persuni fir-riskju ta’ faqar tela’ minn 82,000 għal 94,000 jew żieda ta’ 4,000 persuna fis-sena. “Bin-numru kbir ta’ miżuri li ttieħdu minn dan il-Gvern, fosthom ir-roħs fit-tariffi tad-dawl u l-ilma, childcare b’xejn, ħlas ta’ stipendji anke lil dawk li jirrepetu għall-ewwel darba u għadd ta’ miżuri oħrajn, se jibdew joħorġu mir-riskju tal-faqar għadd ta’ familji oħrajn.”
Il-Ministru Farrugia temm jgħid li l-aħħar statistika tal-NSO turi li f’ċerti setturi diġà kien hemm titjib. “Fost dawn, mill-2012 għall-2013 insibu li l-ġenituri waħedhom niżlu minn 48% għal 41%, l-anzjani romol minn 18% niżlu għal 16%, kif ukoll il-pensjonanti li minn 17% niżlu għal 15%. Iżda l-aktar ħaġa li turi kemm familji qed joħorġu mir-riskju tal-faqar huwa dak tad-dħul medju għal kull membru tal-familja Maltija li tela’ b’5.6% jew kważi €650 fis-sena, imqabbel mat-tliet snin ta’ qabel, meta ż-żieda kienet biss ta’ €315.”
In-nefqa annwali f’Children’s Allowance bħalissa tlaħħaq madwar €43.5 miljun
Intant din il-gazzetta tkellmet ukoll mad-deputat Nazzjonalista u kelliem għall-Familja u Qasam Soċjali Clyde Puli li meta mistoqsi jekk jaqbilx ma’ dan il-ħlas li għat-tieni sena qed jinħareġ qabel jiftħu l-iskejjel qal li l-ħlas tal-pagament taċ-children’s allowance ftit qabel il-bidu tal-iskola minflok ftit wara hija miżura żgħira iżda pożittiva. Żied jgħid li ħafna familji ftit li xejn tagħmlilhom differenza madankollu hemm familji bi dħul baxx li tgħinhom li jirċievu dan il-pagament ftit qabel.
Mistoqsi dwar l-irbit tal-għajnuna supplimentari mal-attendenza tat-tfal fl-iskejjel, Puli qal li jidher li ċ-ċifri negattivi dwar iż-żieda tal-faqar f’Malta ppubblikati ftit tal-ġranet ilu ġiegħlu lill-Gvern jgħaġġel u jħabbar skema nofsha nejja. “Kemm il-unjin tal-għalliema u anke ġenituri esprimew it-tħassib tagħhom dwar kif se jitħaddem dan il-benefiċċju soċjali. Aktar minn hekk il-Ministru tal-Edukazzjoni donnu qed imeri dak li qed jgħid il-Ministru Farrugia. Min-naħa l-oħra l-Ministru Farrugia ma żammx mal-wegħda li għamlet il-Ministru ta’ qablu ftit tax-xhur ilu u l-benefiċċju mhux se jkompli jingħata sħiħ wara t-tieni wild” sostna Puli.
Mitlub jikkummenta dwar il-fatt li skont il-Ministru Farrugia l-familji fir-riskju tal-faqar naqas hekk kif id-dħul medju tagħhom żdied b’5.6%, Puli qal li din mhux falza stikka iżda sempliċiment propoganda qarrieqa. “Il-Ministru qed jipprova jieħu l-mertu taż-żidiet fil-pagi tal-2012 meta hu la kien Ministru u lanqas kien fil-Gvern. Il-Labour Force Survey juri biċ-ċar li fl-ewwel sena ta’ gvern Laburista l-paga medja għoliet biss b’€96 meta fil-ħames snin ta’ qabel żdiedet b’medja ta’ €500 fis-sena. Fl-istess waqt qed jipprova jitfa’ t-tort taż-żieda fil-faqar fuq ta’ qablu meta fl-2013 kien hemm Partit Laburista fil-Gvern. L-għafsa fuq il-pagi qed tinħass tant li Malta kienet l-aktar pajjiż fl-Ewropa fejn naqas il-bejgħ mill-ħwienet.”
Il-kelliem Nazzjonalista saħaq li skont l-aħħar stħarriġ qed jirriżulta li fl-ewwel sena ta’ Gvern Laburista, f’Malta hawn 99,000 persuna f’faqar, f’riskju ta’ faqar jew f’esklużjoni soċjali. “Dan ifisser żieda ta’ madwar 6,000 ruħ fuq is-sena ta’ qabel. L-istħarriġ xjentifiku ppubblikat juri li dawk severament imċaħħda, fl-2013 żdiedu bil-qawwi wkoll hekk kif 6,283 persuna aktar mis-sena ta’ qabel ma kinux jaffordjaw li jżommu d-dar f’temperatura sura u 8,081 aktar ma kinux jaffordjaw li jieklu ikla sustanzjuża ta’ lanqas darba kull jumejn.”
Puli temm jgħid li sfortunatament il-Ministru Farrugia qiegħed ikompli jgħaddas rasu fir-ramel u b’hekk jiċħad ir-realtà li qed iħoss min hu materjalment imċaħħad. “L-istrument li jkejjel il-faqar li qed jintuża llum huwa l-istess kejl li ilu jintuża mill-UE għall-aħħar snin u li r-riżultati tiegħu ilhom jiġu mtambra mill-Partit Laburista sa minn dakinhar. Iċ-ċifri ppubblikati jagħtu lok għal tħassib serju. Il-faqar minkejja l-wegħdi elettorali żdied u mhux naqas. Nerġa’ ntenni d-dispożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista li jaħdem mal-Gvern biex tittaffa din il-pjaga li tnawwar id-dinjità umana.”
Din il-gazzetta tkellmet ukoll ma’ numru ta’ ġenituri dwar l-għoti taċ-Children’s Allowance u Għajnuna Supplimentari. Dawn huma wħud mill-kummenti tagħhom.
Joanne Muscat
Naqbel li l-allowance jingħata qabel tibda l-iskola għax jgħin biex il-ġenituri jaraw li wliedhom ikollhom il-bżonnijiet kollha biex jibdew sena skolastika oħra. Hemm bżonn isir xi ħaġa dwar l-assenteiżmu u forsi l-Maltin jekk tmissilhom il-but jagħmlu sforz. Hemm bżonn jiġi segwit sew dawk li jibqgħu jfallu u hemm bżonn ukoll li jiġu segwiti dawk l-istudenti li jirritornaw lura l-iskola bis-saħħa ta’ din il-miżura. Li sempliċiment imorru l-iskola u joqogħdu jtellfu l-lezzjonijiet mhix aċċettabbli.
Alison Agius
Fejn hemm iż-żieda tajba dejjem però ż-żieda mhux kulħadd se jeħodha. Ħa jeħduha dawk in-nies li jaqbdu sa €11,000 fis-sena. Minn jaqbad iktar ma jieħu xejn ħlief iċ-children’s allowance. Rigward it-tilqim lit-tfal min ma jistax iħallas m’għandux skużi għax ituhom b’xejn. Tħallas biss dawk li ma jagħtix il-Gvern jew li mhumiex obbligatorji.
Annabelle Cutajar
Naqbel li l-allowance jingħata qabel it-tfal jidħlu l-iskejjel. Ibda biex ħafna mill-uniformijiet huma għaljin ikkumparati ma’ pajjiżi Ewropej oħra u huma ta’ kwalità inferjuri. Però rigward l-għajnuna supplimentari - inħoss li għandu jeħodha kulħadd jew ma jeħodha ħadd għax sinjal li din intenzjonata għas-single mothers jew għal dawk li jippreferu joqogħdu d-dar jitgħażżnu! Safrattant aħna nagħmlu sagrifiċċju u nħallsu balla taxxi! Naħseb li għandu jsir xi ħaġa rigward l-assenteiżmu mill-iskejjel fuq livell globali mhux marbuta mal-għajnuna supplimentari għax ma nistax nifhem kif fil-ġurnata tal-lum għadek issib żgħażagħ li huma illitterati. Inħoss li l-kurrikulu jinvolvi ħafna studju fil-vojt u t-tfal bit-teknoloġija kollha ta’ madwarhom m’għadx għandhom paċenzja jistudjaw bl-amment. Rigward it-tilqim dan l-aħħar fuq Facebook qrajt xi kummenti ta’ ġenituri li ma jridux jagħtu t-tilqima obbligatorja MMR ta’ età żgħira għaliex xi riċerka tgħid li hi relatata mal-awtiżmu imma hemm bżonn ta’ għarfien aħjar f’dan ir-rigward.
Christina Borg Chircop
Rigward children’s allowance huwa sewwa li ħa jingħataw qabel mat-tfal jidħlu l-iskola għax mhux kulħadd jiflaħ iħallas ħafna spejjeż f’daqqa. Dwar l-għajnuna supplimentari iva naqbel u sewwa jagħmlu li din tingħata skont l-attendenza tat-tfal l-iskola forsi b’hekk jinqata’ l-abbuż fejn tfal jispiċċaw ifallu l-iskola għal xejn b’xejn.
Andrew Fiorini Lowell
Iva naqbel ma’ dawn il-miżuri u li jkunu marbuta mal-attendenza tat-tfal fl-iskejjel. Hu dritt tat-tfal li jmorru l-iskola u l-ġenituri huma obbligati li jibagħtu lill-uliedhom l-iskola. Hi wkoll responsabbiltà tat-tabib li jara u jiċċertifika jekk tfal humiex verament morda. Ma’ dawn il-miżuri hemm bżonn ukoll strutturi ġodda fejn l-assenteiżmu mill-iskejjel mingħajr raġuni valida għandu jwassal lil min hu responsabbli sabiex jittieħdu proċeduri kontrieh fil-qorti.
Maria Brincat
Dawn il-miżuri mhux se jnaqqsu l-assenteiżmu. It-tfal illi jfallu sikwit kulħadd jaf min huma imma bil-Malti ħadd m’għandu l-gazz li jaqbad il-barri minn qrunu! Dan issa aktar inkonvenjent għall-każi ġenwini għax tispiċċa toqgħod taħli xebgħa ħin il-polyclinic, jew iġġib it-tabib id-dar u tħallsu €15! Dwar li torbot l-għajnuna supplimentari mat-tilqim u attendenza minn fejn sa fejn? It-tfal huma tal-ġenituri, mhux tal-istat! Għal darb’oħra dan hu każ li l-persuni konċernati m’għandhomx il-gazz jindirizzaw lil min ħaqqu. Faċli jkunu jafu min qed jiżgarra mir-rekords mediċi tal-isptarijiet u twelidijiet. Mela allura la jafu min huma, għaliex ma jaqbdux u jduru fuqhom direttament?
Vladimir Cutajar Forte
Rigward il-ħlas taċ-Children’s Allowance f’darba ma naqbilx miegħu għax nemmen li l-istess Gvern Laburista kien introduċa dan l-allowance għal skop sabiex tingħata għajnuna inġenerali matul is-sena lill-familji bit-tfal. Fl-ebda mod dawn il-benefiċċji kienu speċifikament marbuta ma’ xiri tal-kotba, uniformijiet eċċ, li ta’ min ifakkar li bħal kull ħaġa, hemm bżonnhom is-sena kollha u mhux f’Settembru biss. Min esperjenza personali, nieħdu pjaċir u napprezzaw iktar meta jasal darba kultant il-pagament u nallokaw il-fondi fuq it-tifel, skont l-esiġenzi tal-mument. Rigward l-għajnuna supplimentari huwa żball kardinali fejn ħa ċċappas pagament dovut bi dritt ċivili ma’ obbligazzjonijiet, ‘jew tagħmel hekk jew ma nħallsekx’. Marbut ma’ dan hemm imsemmi wkoll iċ-ċertifikat tat-tabib obbligatorju kull meta tifel ma jattendix, anka għal ġurnata waħda. F’dan il-każ, hemm possibbiltà qawwija li familja bi dħul minimu mhux ħa jċemplu lit-tabib u jħallsu kull darba €5/€10 għal ċertifikat, b’hekk iktar tfal se jibdew jintbagħtu l-iskola morda u iktar se jimirdu tfal! Naqbel li għandu jkun hemm tilqim obbligatorju u naqbel li għandu jsir kontroll fuq l-attendenza, imma mhux b’theddida ta’ benefiċċju.
Rita Pace
Naqbel li l-allowance jingħata qabel ma jinfetħu l-iskejjel ħalli l-familji jkollhom għajnuna fl-ispejjeż ta’ uniformijiet, stationery, kotba eċċ li t-tfal jeħtieġu għas-sena skolastika. Idea tajba kieku li jkun hemm rabta bejn imġieba fl-iskola u allokazzjonijiet li jingħataw biex il-ġenituri jieħdu interess meta l-imġieba ta’ wliedhom ittellef tfal oħra biex jerfgħu responsabbiltà u jieħdu sehem attiv fid-dixxiplina ta’ wliedhom.