“Il-PN li se jkun radikalment differenti” – Simon Busuttil
Kummenti mingħand it-tnax-il kandidat li ħabbru l-PN fl-aħħar jiem
minn Frederick Attard
“Il-Partit Nazzjonalista jinsab għaddej minn proċess ta’ tiġdid, ta’ riġenerazzjoni u f’dan il-proċess qed jinvolvi nies ġodda. Dan il-proċess għadu fil-bidu tiegħu, iżda maż-żmien se jwassal għal partit li jkun radikalment differenti.” Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil ftit wara li din il-ġimgħa l-partit approva l-ewwel kandidati ġodda tiegħu għall-elezzjoni ġenerali. Dawn it-12-il persuna se jkunu qed jikkontestaw l-elezzjoni ġenerali li jmiss mal-Partit Nazzjonalista għall-ewwel darba.
Din il-gazzetta tkellmet mas-Segretarju Ġenerali Chris Said fejn staqsejnieh
għaliex il-PN ħareġ daqshekk kmieni bl-ewwel kandidati meta għad fadal tliet snin u nofs għall-elezzjoni ġenerali li jmiss. Said qal li eżatt wara l-elezzjoni ġenerali li għaddiet, il-PN beda proċess ta’ tiġdid, kemm fl-istrutturi interni kif ukoll fin-nies li jmexxu l-politika tiegħu.
“Ġew maħtura Kap, Viċi Kapijiet, u Segretarju Ġenerali ġodda. Inbidel il-mod kif naġixxu man-nies. U issa għandna wkoll l-ewwel kandidati ġodda għall-elezzjoni ġenerali. Dawn se jibdew minn issa jiltaqgħu man-nies, jitkellmu magħhom l-isfidi li jiffaċċjaw fil-ħajja ta’ kuljum, kif ukoll jgħinu fil-politiki flimkien mal-partit biex ikunu jistgħu jiġu ppreżentati lill-poplu fis-snin li ġejjin” qal Said.
Mistoqsi jekk jaħsibx li l-poplu hux lest biex jibda jilqa’ u jiltaqa’ ma’ kandidati prospettivi meta sa ftit ġimgħat ilu d-diskors kien li l-elettorat għaddej minn electoral fatigue, Said qal li Malta pajjiż żgħir u ċert li n-nies iridu dak il-kuntatt personali mal-politiċi. “Veru, bħalissa hawn min qed iġib skuża bl-electoral fatigue imma xorta jagħmel diskorsi partiġġjani kull nhar ta’ Ħadd”. Qal li l-kandidati l-ġodda tal-Partit Nazzjonalista mhumiex persuni diviżivi. Żied jgħid li ħafna minnhom qatt ma kienu fl-istrutturi tal-Partit Nazzjonalista u għandhom l-għan li jgħaqqdu lil pajjiż. “Ċert li l-poplu Malti u Għawdxi jrid stil ta’ politika serja u dawn il-kandidati ġodda hekk se jkunu qed joffru” saħaq is-Segretarju Ġenerali.
Mitlub finalment jiddeskrivi lil dawn it-tnax-il kandidat ġdid, Said qal li l-kandidati huma persuni validissimi, b’kompetenzi differenti, entużjasti, li jridu jkunu viċin in-nies, determinati, u lesti biex jikkonvinċu.
Tkellimna wkoll mad-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista Dr Toni Abela fejn tlabnieh jikkummenta dwar il-fatt li l-PN għadu kemm ħabbar l-ewwel 12-il kandidat tiegħu. “Kulħadd għandu l-mod tiegħu kif jaħdem. Il-ħidma fi ħdan il-PL baqgħet għaddejja u se tibqa’ għaddejja fiż-żmien li ġej, dan il-proċess huwa wieħed kostanti u li se jibqa’ għaddej. Wara kollox huwa dan l-istess proċess li jħalli lil kull partit politiku attiv u ħaj. Il-PL huwa kuntent ħafna bit-tim li għandu preżentament filwaqt li kandidati ġodda, li jkunu se joħorġu f’isem il-PL, ikunu mħabbra, bħal ma dejjem sar, fil-ħin u l-waqt opportun” qal Abela.
Intant wara li rajna l-profil tal-kandidati ġodda, din il-gazzetta bagħtet domanda waħda lil kull wieħed mill-kandidati, liema domandi kienu marbuta mal-profil rispettivi tagħhom.
Abela Wadge Alan
Kif qed tħares lejn il-politika tal-PN vis-à-vis l-iżvilupp tal-ekonomija nazzjonali?
Il-PN huwa mfawwar b’nies esperti fil-linja ekonomika li fil-mument qegħdin jaħdmu id f’id ma’ diversi industriji f’pajjiżna biex inkomplu niżviluppaw l-ekonomija ta’ pajjiżna. Dan jista’ jseħħ biss billi nibqgħu b’idejna fuq il-polz ta’ min iħaddem għaliex huwa bil-ġenerezzjoni kontinwa ta’ impjiegi ġodda u impjiegi aħjar li pajjiżna jista’ jiżviluppa pożittivament b’mod ekonomiku. Barra minn hekk il-PN dejjem offra l-għajnuna tiegħu lil Gvern biex flimkien ifasslu pjattaformi ta’ kif jista’ jiġu ġġenerati iktar impjiegi. Din hija l-politika moderna, politika progressiva u pożittiva li jemmen fiha u jħaddan il-PN.
Aquilina Simone
Is-settur turistiku preżentement għaddej minn perjodu pożittiv, x’taħseb li għandha tkun il-politika tal-oppożizzjoni f’dan ir-rigward?
Il-Gvern sab qafas tajjeb fejn jidħol is-settur tat-turiżmu u qiegħed jibni fuq dak li sab u b’mod tajjeb. Iżda bħala Oppożizzjoni nħossu li t-turiżmu huwa settur kritiku li jista’ jinbidel mil-lejl għan-nar. Għaldaqstant it-turiżmu għandu jitħares b’mod ħolistiku speċjalment fejn jidħol ambjent. Dawn iż-żewġ setturi jridu jaħdmu flimkien b’sinerġija. Inutli li jkollok infrastruttura tajba u ambjent mitluq jew agħar minn hekk ambjent li dejjem qed jitnaqqar. Għalhekk għandu jsir studju dettaljat fuq riklamazzjoni tal-art. Irid ikun hemm politika serja għal qalba tal-villaġġi fejn l-iżvilupp irid ikun limitat. L-għażla li nisfruttaw setturi bħal agrituriżmu hija tajba iżda rridu noqogħdu attenti li ma jkunx hemm żvilupp żejjed li jeqred l-għan ewlieni ta’ dan it tip ta’ turiżmu.
Borg Dounia
X’inhi l-politika ta’ inklużjoni li int temmen fiha u li temmen li l-PN għandu jadotta?
Kulħadd għandu x’jagħti lil pajjiż, anke jekk xi ħaġa żgħira. Għalhekk, il-PN għandu jiġbor dawn l-ideat, u fejn jista’ jaddottahom. L-inklużjoni tfisser ukoll li anke nies ta’ razez, kulturi u reliġjonijiet differenti preżenti fil-pajjiż għandhom jittieħdu l-ideat tagħhom u fl-istess ħin jingħataw ukoll id-drittijiet li dawn suppost għandhom. M’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala persuni biss bħala numru.
Borg Roslyn
X’temmen li għandu jsir u x’politika għandu jadotta l-PN sabiex jieqaf kontra x-xogħol prekarju?
Primarjament irid ikun hemm iktar diskussjoni bejn il-partijiet soċjali ta’ x’inhi eżatt id-definizzjoni ta’ xogħol prekarju u liema huma l-parametri li jridu jiġu addottati. Kemm il-unjins kif ukoll l-assoċjazzjonijiet ta’ min iħaddem iridu jifhmu l-importanza tal-protezzjoni tal-individwi kif ukoll l-importanza li jkun hemm ċertu flessibiltà għal min iħaddem. Hemm bżonn ta’ iktar infurzar u riżorsi biex jintlaħaq dan l-għan - minn hawn irridu nibdew. Il-liġijiet huma importanti però inutli jkollok liġijiet u ma jkunx hemm konforma magħhom.
Camilleri Zarb Charlene
X’inhuma r-riformi li temmen li hemm bżonn fis-sistema ġudizzjarja ta’ pajjiżna?
Biex is-sistema ġudizzjarja tagħna tkun waħda adegwata u effettiva għaż-żminijiet tal-lum, għandha bżonn riformi legali, investiment infrastrutturali, investiment f’dawk li huma riżorsi umani. Mil-lat infrastrutturali l-binjiet tal-Qrati saru żgħar u mhumiex mgħammra sabiex jaqdu l-ħtiġijiet tal-lum. Numru ta’ ġudikanti lanqas biss għandhom awla u sigrieta allokati għalihom. Apparti minn hekk, nemmen li għandu jsir aktar investiment f’sistemi tal-informatika u tibdil proċedurali sabiex, fost affarijiet oħra, kawżi quddiem il-Qrati, u, aktar u aktar, proċeduri kriminali, jintemmu fi żmien ferm iqsar u raġonevoli mil-lum. Nemmen ukoll li l-ġudikanti għandhom jiġu maħtura b’għaqal u li tabilħaqq jintgħażlu l-aħjar nies għal dawn il-karigi sensittivi.
Cassar Charlot
X’inhi l-viżjoni aħħarija tal-PN dwar in-Nofsinhar ta’ Malta?
Il-PN jemmen li l-ġmiel tan-naħa t’isfel ta’ Malta – naturali u storiku - flimkien mal-Istorja rikka u t-talenti uniċi tan-nies li jgħixu f’din il-parti ta’ gżiritna għandhom potenzjal bla limitu. Il-viżjoni tagħna għal dan ir-reġjun tibni fuq dan il-potenzjal u hija msejsa fuq il-prinċipji u l-valuri tagħna.
- Il-valur li jagħmlek temmen fit-talenti tiegħek.
- Il-valur li jiftaħlek il-bibien beraħ u jagħtik l-enerġija biex tinvesti fl-abbiltajiet tiegħek.
- Il-valur li jippermettilek tuża l-attributi kollha li għandek biex tilħaq il-milja tiegħek.
Il-viżjoni tagħna hi li noħolqu mhux li nisfruttaw; li nagħtuk il-libertà mhux inżommuk dipendenti; li nkabbru mhux inkasbru. Viżjoni t’evolviment mhux ta’ limitu.
Mercieca Ryan
Bħala Għawdxi, x’temmen li hu l-aħjar mod sabiex tissaħħaħ l-aċċessibilità bejn iż-żewġ gżejjer?
Nemmen li hemm bżonn jibda jopera l-’fast boat service’ bejn il-port tal-Imġarr u l-Port il-Kbir immedjatament. Jekk u meta jibda jopera dan is-servizz ikun qed inaqqas il-ħin tal-ivjaġġar b’mod konsiderevoli. Hekk ikun jagħmel il-ħajja tal-ħaddiema u studenti Għawdxin iktar faċli. Ikun qed ukoll jiffaċilita l-ħajja ta’ dawk il-Maltin u barranin li jixtiequ jinvestu jew iżuru l-gżira ta’ Għawdex. Dan is-servizz mhux biss iwassal biex iħalli effett pożittiv fuq il-ħajja tal-poplu Għawdxi imma wkoll effett pożittiv fuq l-ekonomija Għawdxija li tant għandha bżonn tiġi stimulata. Però wieħed m’għandux għax jeskludi possibiltajiet oħrajn. Iżda importanti li nagħmlu dak li hu fattibbli u li jista’ jsir qabel.
Micallef Aaron
Is-settur tal-avjazzjoni f’pajjiżna qed dejjem jikber, partikolarment il-manutenzjoni tal-ajruplani. Kemm hi importanti li nħarsu u niżviluppaw din l-industrija?
L-industrija tal-avjazzjoni hija żgur settur importanti li kull gvern għandu jiffoka fuqha. Toħloq impjiegi varji , minn skrivani sa piloti sa inġiniera. L-avjazzjoni żgur tagħti spinta wkoll l-ekonomija tal-pajjiż tagħna. Wieħed mill-vantaġġi ewlenin li għandu pajjiżna huwa li Malta hija bbażata fiċ-ċentru tal-Mediterran u għalhekk ‘hub’ perfetta bejn il-kontinenti tal-Ewropa u l-Afrika. Huwa importanti li wieħed iżomm f’moħħu li l- industrija tal-avjazzjoni mhuwiex biss dwar manutenzjoni tal-ajruplani, iżda hemm setturi oħra bħall-industrija tal-linji tal-ajru u t-taħriġ fl-avjazzjoni fost l-oħrajn. Nemmen u ċert li l-PN jemmen ukoll, li iva l- industrija tal-avjazzjoni ta’ min jiffoka fuqha u jkompli jiżviluppaha f’Malta.
Micallef Angelo
Kif qed tħares lejn il-bidla fil-mezzi tax-xandir tal-partit u x’hemm bżonn isir biex jiżdiedu l-udjenzi?
Huwa mingħajr ebda dubju li l-mezzi tax-xandir tal-partit għandhom quddiemhom sfidi xejn faċli. Sfida finanzjarja u fl-istess ħin ħtieġa assoluta ta’ titjib fil-kwalità. Titjib li jrid jaġġorna l-mezzi tax-xandir maż-żminijiet tal-lum. Tibdil partikolari li jrid jsir huwa fejn jidħlu programmi ta’ attwalità. Żmien il-monologi ta’ One TV u Net TV spiċċa. In-nies illum qiegħda tfittex l-element investigattiv, mistoqsijiet iebsa u dibattiti ħajjin. Il-mezzi tal-partit għandhom ikunu fuq quddiem nett li jadottaw dan l-istil fuq kull pjattaforma tagħha u f’kull programm inkluż l-aħbarijiet. Huwa biss b’qabża fil-kwalità u dan l-aġġornament ta’ stil li l-udjenzi se jiżdiedu.
Psaila Zammit Alessia
X’inhi l-politika li temmen għandu jħaddan il-PN fuq riċerka u innovazzjoni?
It-twaqqif ta’ policy fora li se jiddiskutu t-triq ’il quddiem f’oqsma soċjo-ekonomiċi ta’ pajjiżna huwa pass pożittiv li jagħti spazju biex il-PN japprezza iktar ir-riċerka li qed issir u jiddiskuti x’innovazzjonijiet jistgħu jtejbu l-oqsma soċjo-ekonomiċi ta’ pajjiżna. Nemmen li d-diskussjoni fil-policy fora għandha tħeġġeġ lil żgħażagħ, studenti u gradwati biex iressqu r-riċerka tagħhom fuq temi partikolari. Wasal iż-żmien li t-teżijiet u riċerka fil-Librerija tal-Università ta’ Malta jibdew jiġu kkonsultati fid-diskussjonijiet dwar politiki u t-triq ’il quddiem. Għaldaqstant, il-politika tal-PN jeħtieġ li tidħol iktar fid-dettall tal-isfidi u opportunitajiet marbuta ma’ riċerka u innovazzjoni f’kull qasam.
Schembri Graziella
X’għandu jagħmel iżjed il-PN sabiex iżid il-parteċipazzjoni attiva tan-nisa fil-politika?
Il-PN wera bil-provi kemm jixtieq jippromovi l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-politika. Dan jidher fl-istatut li jagħmilha ċara li sehem in-nisa jkun attwali u immedjat fil-partit; pereżempju fil-Kumitat Eżekuttiv, li huwa l-organu li jfassal il-politika tal-Partit, it-18-il tesserati eletti mill-Kunsill Ġenerali huma eletti skont listi separati. B’hekk l-ewwel disa’ nisa mil-lista tan-nisa jiġu magħżula. Dan jagħmel kuraġġ lin-nisa biex jersqu lejn dawn l-elezzjonijiet. Fuq bażi personali jiena dejjem sibt għajnuna kbira u inkuraġġiment mill-partit. Il-fatt li mit-tnax il-deputat ġdid, nofshom, sitta, huma nisa, jawgura tajjeb ħafna u juri l-PN qed iwettaq politika li żżid il-parteċipazzjoni tan-nisa u li tippromwovi ugwaljanza.
Schembri Justin
X’pożizzjoni għandu jkollu l-PN sabiex jikkumbatti l-illiteriżmu?
Il-ġlieda kontra l-illitteriżmu ma tistax tintrebaħ jekk ma jkunx hemm pjan b’viżjoni. Ma jagħmilx ġid li s-sistema edukattiva jkollha ħafna strutturi li ma jintrabtux ma’ xulxin. Huwa evidenti li l-għalliema (jgħallmu l-Malti fil-klassijiet tal-Core Competence Programmes) m’għandhomx la r-riżorsi u lanqas kriterji u għanijiet speċifiċi u li jiggwidawhom. Irridu naraw li s-sistema edukattiva jkollha dawn il-mekkaniżmi, billi qabel xejn ninvestu fir-riżorsi gradati li jistgħu jwasslu lill-istudenti minn skala għal oħra. Irridu wkoll nifhmu li din hija speċjalizzazzjoni u li għaliha jeħtieġ li l-pajjiż ikun qiegħed jagħraf il-ħtieġa li jkollu għalliema ggradwati f’dan il-qasam partikolari.