“Aħna nservu n-nies mhux nisservew bin-nies” – Simon Busuttil

Id-diskors ta' Simon Busuttil fil-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista f'Għawdex

“L-istedina hija li kull min, bħali, irid iservi l-pajjiż, għax iħobb lill-poplu Malti u Għawdxi, għandu post fil-Partit Nazzjonalista”
“L-istedina hija li kull min, bħali, irid iservi l-pajjiż, għax iħobb lill-poplu Malti u Għawdxi, għandu post fil-Partit Nazzjonalista”

F’diskors li għamel waqt il-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista f’Għawdex ilbieraħ, il-Kap tal-Partit Simon Busuttil beda biex semma kif il-partit Nazzjonalista wettaq diversi proġetti f’Għawdex bħall-Port u l-marina fiż-Żewwieqa sat-toroq madwar Għawdex kollu, l-Isptar Ġenerali, il-fergħat tal-Università, l-MCAST u l-ITS f’Għawdex, tant skejjel, ir-restawr tal-wirt kbir f’Għawdex u l-Kunsilli Lokali li seddqu l-ambjent tal-gżira Għawdxija.

Busuttil qal li preżentement il-partit irid jindirizza erba’ sfidi sabiex jimxi ’l quddiem. Fost dawn hu semma l-ħtieġa li l-partit jaġġorna l-politika tiegħu u l-bżonn li l-partit ikun ta’ servizz għan-nies, mhux għan-Nazzjonalisti biss iżda għal kulħadd. “Għalhekk aħna Partit tal-Poplu. Għalhekk aħna Partit tan-Nazzjon. Għalhekk aħna Partit tan-Nies. Għalina l-politika hija li nservu lin-nies mhux li nisservew bin-nies. Għalija l-politika hija servizz għall-pajjiż, mhux servizz għall-partit” qal il-Kap Nazzjonalista. 

Busuttil kompla billi tkellem dwar it-tieni sfida għall-partit, dik li jorganizza u jirriġenera l-istrutturi tiegħu. “Diġà aġġornajna l-istatut u waqqafna strutturi ġodda, bħal m’huma fergħat ġodda tal-partit, bħall-Forum għall-Opportunitajiet Indaqs jew il-Forum għall-Professjonalisti jew Kummissjonijiet ġodda bħalma hija l-Kummissjoni għall-Għażla tal-Kandidati.”

Hawnhekk huwa ħabbar li l-partit approva 31 kandidat ġdid għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali li se jsiru s-sena d-dieħla. “Iva, dawn l-elezzjonijiet għandhom isiru u mhux jitħassru għax hemm xi ħadd li jidhirlu li lest jilgħab bid-demokrazija u jħassar l-elezzjonijiet.” 

“It-tielet sfida li għandna hija dik li nirristruttaw il-mezzi tal-partit” kompla jgħid Busuttil li spjega kif ir-riforma tal-mezzi tax-xandir issa dieħla fit-tieni fażi tagħha. “L-ewwel fażi kienet li nindirizzaw is-sitwazzjoni finanzjarja. It-tieni fażi hija li nindirizzaw il-kontenut li rridu nibdluh għal kontenut ta’ kwalità għolja, professjonali, li jiġbed lin-nies għax jappella lin-nies u għax jirrispetta l-intelliġenza tan-nies.” 

Il-kap Nazzjonalista kompla jitkellem fuq ir-raba’ sfida li hija l-isfida finanzjarja. Busuttil enfasizza fuq il-ħtieġa li jibni partit fuq sisien finanzjarji sodi. “Huwa biss jekk il-partit jegħleb dawn l-isfidi li mbagħad jista’ jaffaċċja mill-ġdid l-elettorat u jkun alternattiva vijabbli għall-gvern preżenti.” 

Meta tkellem dwar il-kritika tal-partit bħala Oppożizzjoni, Busuttil qal li l-kritika fil-konfront tal-Gvern se tkompli fejn hemm bżonn. “B’dispjaċir ngħid li nħoss li bħalissa, id-djalogu bejn Gvern u Oppożizzjoni mhux wieħed tajjeb u dan għaliex għandna diverġenzi ta’ prinċipju u mhux biss ta’ stil jew ta’ operat.”

Busuttil tkellem ukoll dwar l-ekonomija u qal li dal-Gvern żgur ma jistax jgħid li wiret ekonomija f’qagħda ħażina. “Anzi, wiret ekonomija b’rankatura b’saħħitha li ma kienet ħasset kważi xejn ir-riċessjoni dinjija kbira li bdiet fl-2008. Issa imma ħierġa xejra ekonomika inkwetanti fejn il-Gvern Laburista reġa’ qed jibbaża l-ekonomija fuq l-impjiegi mal-gvern. Il-Gvern Laburista reġa’ qed joħloq dipendenzi fuq l-istat.” 

“L-edukazzjoni wkoll hi kruċjali għall-ħolqien ta’ xogħol tajjeb li jħallas pagi tajbin għax dak ix-xogħol irid ikun f’oqsma speċjalizzati fejn hemm bżonn ħafna ħiliet” saħaq il-Kap Nazzjonalista. Hu semma li l-Partit Nazzjonalista hu l-partit tal-edukazzjoni bil-fatti waqt li elenka lista twila ta’ kisbiet għall-Maltin u l-Għawdxin kollha fl-edukazzjoni. 

Dwar is-saħħa Busuttil qal li l-Gvern issa ilu sena u nofs u kellu ċans biżżejjed biex jekk kellu xi roadmap jibda jwettaqha. “Dal-pajjiż għandu sptar ta’ livell imfaħħar minn kulħadd grazzi għal gvernijiet Nazzjonalisti imma dal-Gvern dejjem jara kif se jmaqdar dak li anke Alfred Sant faħħar flok jara kif se jsolvi l-iffullar, l-istennija u l-mediċini neqsin speċjalment għax-xitwa meta d-domanda fuq is-servizzi tas-saħħa tiżdied.” 

Busuttil għamel ukoll referenza speċifika dwar Għawdex u qal li l-Ministeru għal Għawdex spiċċa litteralment bla saħħa għax il-Gvern neħħielu s-saħħa u l-edukazzjoni. “Kull deċiżjoni f’dawn l-oqsma qed tittieħed Malta. Għawdex mhux stmat minn dal-Gvern. Sewwa qed jgħid min jgħid li l-Ministeru ta’ Għawdex huwa Ministeru bla saħħa.” 

Busuttil temm id-diskors tiegħu bi stedina. “L-istedina hija li kull min, bħali, irid iservi l-pajjiż, għax iħobb lill-poplu Malti u Għawdxi, għandu post fil-Partit Nazzjonalista.”

More in Politika