Aktar minn 300 proposta għall-baġit 2015

 “Kull persuna kellha aċċess biex issemma’ leħinha f’dal-proċess u bħala Gvern impenjati li nkomplu nifirxu dan id-djalogu”

Bencini, Dalli u Scicluna waqt il-laqgħa ta’ konsultazzjoni
Bencini, Dalli u Scicluna waqt il-laqgħa ta’ konsultazzjoni

Fil-ftuħ tat-tieni laqgħa ta’ konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali rappreżentati fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali l-MCESD, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli semmiet kif fil-ġimgħat li għaddew saru bosta preżentazzjonijiet mill-Ministru tal-Finanzi dwar id-dokument ta’ qabel il-baġit fost l-oħrajn mal-MEUSAC bl-iskop li jintlaħaq il-pubbliku kollu.

“Kull persuna kellha aċċess biex issemma’ leħinha f’dal-proċess u bħala Gvern impenjati li nkomplu nifirxu dan id-djalogu” qalet il-Ministru Dalli.

Hija fissret id-dokument ta’ qabel il-baġit bħala wieħed mill-aktar importanti u faħħret l-inizjattiva li ttieħdet mill-Ministeru tal-Finanzi li sar proċess ta’ konsultazzjoni f’lokalitajiet differenti.

F’indirizz tal-ftuħ, il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna semma’ kif il-Gvern irċieva 25 sett ta’ proposti differenti għall-baġit 2015 minn organizzazzjonijiet differenti li jinkludu unjins, korpi kostitwiti, għaqdiet u assoċjazzjonijiet. B’kollox dawn jammontaw għal aktar minn 300 proposta separata.

Scicluna laqa’ b’sodisfazzjon il-mod ta’ kif il-proċess ta’ konsultazzjoni qed isir wieħed aktar istituzzjonalizzat fejn ix-xahar ta’ Settembru qed ikun dedikat kollu għall-konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali u mal-pubbliku.

B’kollox il-Gvern se jkun organizza tmien laqgħat ta’ konsultazzjoni mal-pubbliku, imsieħba soċjali u soċjetà ċivili b’rabta mal-baġit 2015.

Il-proposti mressqa mill-imsieħba soċjali jiffukaw fuq l-oqsma tas-servizzi soċjali, it-turiżmu, l-edukazzjoni, l-amministrazzjoni pubblika, il-kummerċ, il-qasam tal-impjiegi u dwar Għawdex.

L-organizzazzjonijiet li ssottomettew proposti lill-Gvern dwar il-baġit 2015 kienu l-Kamra tal-Kummerċ, Intrapriża u Industrija, l-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem (MEA), l-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u Ristoranti Maltin (MHRA), l-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu Għawdxija (GTA), l-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin (MDA), Malta Business Bureau, l-Assoċjazzjoni tal-Importaturi tal-Karozzi, Malta Institute of Management, Kumitat Reġjonali għal Għawdex, BAG Malta, Federazzjoni Maltija Vetturi Antiki, Royal Air Force Association, MSV Life, il-Konfederazzjoni Maltija tal-Organizzazzjonijiet tan-Nisa, Action for Breast Cancer Foundation, il-Federazzjoni Maltija ta’ Organizzazzjonijiet għall-Persuni b’Diżabilità, l-Assoċjazzjoni għas-Saħħa Mentali, il-Forum Unions Maltin (For.U.M), il-General Workers Union (GWU), il-Konfederazzjoni tat-Trade Unions Maltin (CMTU), il-Kamra ta’ Intrapriża Żgħar u Medji (GRTU), il-Union Ħaddiema Magħqudin, il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija, il-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa u l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE).

Iċ-Ċermen tal-MCESD John Bencini fisser il-laqgħa tal-lum bħala waħda importanti ħafna fejn l-imsieħba soċjali joħorġu bil-proposti tagħhom.

L-MCESD se jkun qed jerġa’ jiltaqa’ għada fit-3pm biex l-imsieħba soċjali jkomplu jiddiskutu l-proposti tagħhom mal-Ministru tal-Finanzi.

More in Politika