L-Enemalta se tkun qed tirreġistra riżultati finanzjarji “aħjar” fejn għall-ewwel darba f’ħafna snin, it-telf tal-kumpanija se jkun €20 miljun inqas minn dak previst.
Skont il-Ministru għall-Enerġija Konrad Mizzi, dan it-titjib ma kienx ikun possibbli mingħajr l-investiment ta’ aktar minn €300 miljun mill-kumpanija Ċiniża Shanghai Electric Power (SEP).
Mizzi bħalissa jinsab iċ-Ċina fejn qiegħed jiffinalizza n-negozjati mal-kumpanija Ċiniża biex takkwista 33% sehem fl-Enemalta.
“Il-proġett li għandu l-Gvern fis-settur tal-enerġija huwa wieħed kumpless. Ma kienx ikun possibbli għall-Enemalta li tibqa’ tiffunzjona mingħajr l-investiment taċ-Ċiniżi. Il-proġett kollu ma jiddependix biss mill-bini tal-power station bil-gass iżda jinkludi titjib fil-qagħda finanzjarja, investiment fid-distribuzzjoni tad-dawl, tnaqqis fis-serq tal-elettriku u li l-ARMS Ltd tiġbor il-flus li huma dovuta lilha,” qal il-Ministru.
Din il-gazzetta tinsab infurmata li l-binja tal-power station il-ġdida mhux se tkun kompluta sa Marzu 2015. Imma skont Mizzi, il-gvern se jżomm il-wegħda tiegħu man-negozji li jraħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma b’25%.
Skont il-Gvern, dan se jkun possibbli grazzi għall-pjan ta’ negozju li għandha l-Enemalta. Mistoqsi minn ILLUM jekk il-Gvern hux se jkun qiegħed iżid is-suvvenzjoni biex jagħmel tajjeb għal dan ir-roħs, Mizzi ċaħad li dan se jkun il-każ.
“Grazzi għall-pjan tan-negozju tal-Enemalta, il-kumpanija se tkun qed tagħti rimborż fuq medda ta’ snin. Minkejja li għall-ewwel tliet snin il-kumpanija se tibqa’ tagħmel it-telf, is-sitwazzjoni se tinbidel għal waħda ta’ profitt mar-raba’ sena,” temm jgħid il-Ministru.