Il-Ministru għat-Turiżmu Dr Edward Zammit Lewis jilqa’ b’sodisfazzjon iċ-ċifri mħabbra dalgħodu mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika rigward it-Trasport bil-baħar bejn Malta u Għawdex fit-tielet kwart ta’ din is-sena.
Bejn Lulju u Settembru 2014 qasmu mal-1,499,734 passiġġier bejn Malta u Għawdex. Dan ifisser żieda ta’ 6.5% fil-passiġġieri li qasmu bejn il-gżejjer meta mqabbel mal-istess xhur tas-sena l-oħra. F’Awwissu biss kien hemm żieda ta’ kważi 9% fil-passiġġieri li qasmu lejn Għawdex meta mqabbel ma’ Awwissu tal-2013. It-tkabbir fl-ammont ta’ persuni li qasmu bejn Malta u Għawdex bil-baħar fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena, kien kważi ta’ 7%.
Il-Ministru jinnota bi pjaċir li dawn it-tliet xhur tas-sajf li għaddew irreġistraw rekord ta’ numru ta’ passiġġieri li qasmu bejn Malta u Għawdex u l-istess jista’ jingħad partikolarment għax-xahar ta’ Awwissu. Awwissu 2014 ra l-akbar ammont ta’ passiġġieri li qasmu lejn Għawdex sa minn qabel is-sena tar-riċessjoni.
Il-Ministru għat-Turiżmu Dr Edward Zammit Lewis b’sodisfazzjon jagħti importanza lil dawn iċ-ċifri pożittivi li qed jiġu rreġistrati fin-numru ta’ passiġġieri li qed jaqsmu lejn Għawdex. Dan ikompli jsaħħaħ l-importanza tat-turiżmu domestiku, fejn ħafna familji Maltin jagħżlu li jqattgħu l-jiem ta’ vaganzi tagħhom ġewwa Għawdex. Il-Gvern huwa impenjat li jkompli jsostni u jħeġġeġ titjib fil-prodott turistiku Għawdxi sabiex ikompli jiżviluppa u jikber is-settur turistiku f’Għawdex, kemm dak domestiku u kemm dak barrani, biex b’hekk ikompli jitkattar il-ġid fl-ekonomjia Għawdxija u jitkattru l-impjiegi ta’ kwalità. B’hekk titkompla titwettaq il-wegħda elettorali ta’ dan il-Gvern ta' xogħol f’Għawdex għall-Għawdxin, temm jgħid il-Ministru Dr Edward Zammit Lewis.