Meta kien qed jagħti x-xhieda tiegħu quddiem il-Kumitat tal-Privileġġi fil-każ ta’ Ksur ta’ Privileġġ li l-Prim Ministru Joseph Muscat qed jagħmel kontra l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil b’rabta mal-investigazzjonijiet li kienu qed isiru f’pajjiiżna dwar l-eks Kummissarju Ewropew, il-Kap tas-Servizzi tas-Sigurtà Michael Cassar qal li l-eks Kummissarju Ewropew John Dalli u Silvio Zammit kellhom jitressqu flimkien il-Qorti b’akkużi kontrihom mill-Pulizija.Qal ukoll li skont ir-rapport tal-OLAF Gayle Kimberly kellha titressaq imma ma kienx hemm qbil.
Fix-xhieda Cassar qal li mill-esperjenza tiegħu ma kienx ikun hemm każ fejn wieħed jista’ jinstab ħati li kieku John Dalli tressaq waħdu l-Qorti.
Cassar qal ukoll li wara li nbidlet l-amministrazzjoni u inbidel il-Kummissarju tal-Pulizija f’Marzu 2013, il-Kummissarju Peter Paul Zammit qatt ma kellmu dwar l-investigazzjonijiet u l-iżviluppi b’rabta mal-każ ta’ Dalli. Hu fisser ukoll li fir-rapport finali fi tmiem l-investigazzjonijiet tal-Puliizja kien hemm il-parir biex Zammit u Dalli jitressqu separatement.
Il-laqgħa li jmiss tal-Kumitat tal-Privileġġi mistenni jerġa’ jiltaqa’ fil-Parlament fis-26 ta’ Novembru.