Il-kontijiet tal-enerġija se jorħsu b’25% għan-negozji kollha
Il-problema tat-traffiku bħalissa hija riżultat tal-proġetti kbar
More in Politika
Il-problema tat-traffiku bħalissa hija riżultat tal-proġetti kbar
Ir-roħs fil-kontijiet tal-enerġija, il-ħolqien ta’ inċentivi sabiex ikun hemm iktar pensjonijiet privati u l-problema tat-traffiku kienu l-qofol ta’ diskors li l-Prim Ministru Joseph Muscat għamel f’laqgħa ma’ membri tal-Kamra tal-Kummerċ.
Muscat ikkonferma dak li kien imwiegħed, li l-kontijiet tal-enerġija se jorħsu bi 25% għan-negozji kollha. “Malta diġà qed taħsad mir-roħs tal-kontijiet għall-individwi għax dan wassal għall-iktar flus fl-idejn. Dan ir-roħs mhuwiex każ fejn il-Gvern qed jieħu flus minn proġett sabiex isostni dawn il-miri, dan ir-roħs hu wieħed li jżomm waħdu u jwassal għall-iktar tkabbir ekonomiku. Ir-roħs fil-kontijiet tal-enerġija għan-negozji, li se jseħħ minn Marzu 2015, se jagħmel in-negozji Maltin iktar kompettitivi fis-suq internazzjonali.”
Il-Prim Ministru sostna li m'għandux ikun hemm delużjoni, għax dan iwassal għal falliment. “Ta’ min niftakru li Malta qiegħda l-ewwel fl-Ewropa fejn jidħol ħolqien ta’ impjiegi. Pajjiżna mhux wieħed minn dawk li qed iwaħħal fl-Ewropa u lanqas mhu qed jilmenta fuq limiti ekonomiċi. Anzi, it-taxxi u d-defiċit, it-tnejn qed jonqsu”.
Meta tkellem dwar il-baġit, Muscat qal li t-tnaqqis kontinwu fid-defiċit se jkun emfasizzat fil-baġit li ġej. “F’dan il-baġit se jkun hemm enfasi kbira fuq żewġ affarijiet: it-tnaqqis fid-dipendenza, u t-tħeġġiġ ta’ aktar Public Private Partnerships. Dan il-Gvern se jkompli jgħin lil dawk fil-bżonn, madankollu se jaħdem bi sħiħ biex iwaqqaf kull tip ta’ abbuż. Il-baġit li jmiss se jelenka wkoll numru kbir ta’ proġetti li se jkunu Public Private Partnerships. In-negozji jafu kemm hu tajjeb li jilqgħu l-istedina għal dawn il-partnerships.”
Dwar l-isfida kbira tat-traffiku, il-Prim Ministru qal li din mhijiex perċezzjoni, iżda waħda reali. “Il-problema tat-traffiku bħalissa hija riżultat tal-proġetti kbar li hemm għaddejja, speċjalment dawk fil-Kappara, ħdejn l-Addolorata u fi Triq il-Kosta. Madankollu, il-ħolqien tat-traffiku ma jistax ikun ir-raġuni għalfejn ma jsirux proġetti u lanqas m'għandu jkun hemm ħsieb li t-traffiku jista’ jisparixxi. Xorta waħda, dan il-Gvern jemmen li t-traffiku jista’ jonqos jekk ikun hemm il-possibiltà ta’ servizzi oħra ta’ trasport.”