Il-kap tal-Isptar St James, Josie Muscat stqarr li l-futur tal-isptarijiet privati huwa mhedded, hekk kif Mater Dei qed jinvesti fil-kbir f’apparat mediku bħal MRI u PET CT Scan. Apparat li qabel jew ma kienx jeżisti jew inkella kien jeżisti biss fil-privat.
Muscat magħruf għad-diskors dirett tiegħu kien pijunier fil-qasam tas-saħħa u għal żmien twil kien hemm dominanza mill-isptarijiet privati minħabba l-fatt li kellhom iktar apparat u kellhom listi ta’ stennija interminabbli.
“Qegħdin f’salib it-toroq,” kien qal meta kien qed jitkellem ma’ Saviour Balzan fuq il-programm Reporter nhar ta’ Tnejn fuq TVM.
“Illum qed infittxu turiżmu minn barra biex insostnu l-operat tagħna.”
Fix-xhur li għaddew, kien hemm attentat biex il-listi ta’ stennija ta’ bosta operazzjonijiet jiġu indirizzati.
Infatti Josie Muscat baqa’ jżur l-isptar li għandu ġo Tripli minkejja l-periklu li hemm. Muscat infatti irid isuq minn Tuneż sa Tripli, vjaġġ ta’ 11 il-siegħa f’toroq perikolużi li ħafna drabi fihom jinħatfu barranin minn gruppi militanti Libjani.