“Il-politika tal-gvern Laburista fl-enerġija se twassal biex il-pajjiż se jintrabat li jixtri elettriku iktar milli għandu bżonn u bi prezz ogħla minn dak li jista jinxtara kieku jitlesta l-interconnector”. Dan sostnieh il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil f’laqgħa għall-kunsilliera tal-PN fid-Dar Ċentrali.
Busuttil qal li l-Prim Ministru baqa’ jgħid sa ftit ġranet ilu l-proġett tal-power station il-ġdida kien miexi tajjeb meta issa jidher ċar li dan falla. “Minkejja l-kritika kollha li l-power station kienet fabbrika tal-kanċer, illum il-gvern Laburista għadu juża l-istess żejt u se jbiegħ il-power station tal-BWSC liċ-Ċiniżi u dan fl-istess waqt li l-gvern raħħas il-kontijiet bi €30 miljun meta bil-power station tal-BWSC iffranka €50 miljun fis-sena."
Il-Kap Nazzjonalista appella lill-gvern biex jippubblika l-kuntratti marbuta mal-power station u kkritika l-politika tal-Gvern li ntrabat mal-Electrogas biex jixtri l-elettriku għall-perjodu ta’ 18-il sena meta kiseb biss garanzija ta’ prezz għal ħames snin. “Dan hu gvern li qed jorbot lill-gvernijiet li ġejjin warajh meta l-pajjiż m’għandux bżonn din l-enerġija kollha mingħand iċ-Ċiniżi u meta l-pajjiż se jkollu l-interconnector u allura jista’ jixtri elettriku bi prezz irħas."
Busuttil qal ukoll li fl-aħħar ġranet ħarġet l-aħbar li mingħajr pubbliċità ta’ xejn u minn wara dahar kulħadd, l-Enemalta biegħet il-Petrolium Division għall-prezz ta’ €83 miljun.