Il-Prim Ministru jindirizza s-summit bejn il-mexxejja Ewropej u Asjatiċi

Il-Prim Ministru Malti wieħed minn fost tliet kelliema Ewropej

Il-Prim Ministru Joseph Muscat mal-Prim Ministru Taljan Matteo Renzi
Il-Prim Ministru Joseph Muscat mal-Prim Ministru Taljan Matteo Renzi

Aġġornat 19.48

Il-Prim Ministru Joseph Muscat kien wieħed minn tliet kapijiet Ewropej li ntalab jintervjeni b’mod ewlieni fis-summit bejn l-Asja u l-Ewropa li qed isir f’Milan. Għal dan is-summit, li qed jingħata importanza kbira, qed jattendu 51 Kap ta’ Gvern u Stati miż-żewġ kontinenti.
 
Fl-intervent tiegħu l-Prim Ministru tkellem dwar l-importanza li jissaħħu r-relazzjonijiet u l-alleanzi bejn l-Asja u l-Ewropa għax flimkien, iż-żewġ kontinenti, jistgħu jkunu alleanza qawwija biex jindirizzaw kwistjonijiet globali li huma ta’ sinifikat importanti ħafna għaċ-ċittadini.
 
Il-Prim Ministru qal li jeżistu differenzi kif iż-żewġ kontinenti jħarsu lejn sfidi varji. Madankollu dan m’għandux ikun ta’ deterrent għal koperazzjoni ikbar, anzi anke jservi ta’ motivazzjoni għal konverġenza ikbar.
 
Huwa sostna li anke bejn 28 pajjiż Ewropew jeżistu diverġenzi fl-attitudni lejn ċerti oqsma. Madankollu b’riżultat ta’ diskussjonijiet dejjem jinstabu sinerġiji biex nimxu ’l quddiem.
 
“Dan huwa li għandu jagħmel dan il-forum importanti,” sostna l-Prim Ministru.
 
Il-Prim Ministru tkellem dwar il-Konferenza Dinjija dwar it-Tibdil fil-Klima li se ssir f’Pariġi fl-2015 u qal li dak se jkun eżami importanti li l-Komunità Internazzjonali ma tistax tfalli. L-Unjoni Ewropea, qal il-Prim Ministru, se tkun qed tiddiskuti dan is-suġġett fil-Kunsill tal-UE l-ġimgħa d-dieħla u dan is-summit se jkun importanti biex l-Ewropa tkun taf x’inhuma l-ħsibijiet tal-pajjiżi Asjatiċi dwar is-suġġett tat-Tibdil fil-Klima.
 
Dr Muscat qal li s-sena d-dieħla se tkun importanti wkoll biex tkun diskussa u maqbula l-Aġenda ta’ Żvilupp ta’ wara l-2015 (Post 2015 Development Agenda). Huwa sostna li l-Miri tal-Millenju għall-Iżvilupp biddlu l-ħajja ta’ miljuni ta’ persuni madwar id-dinja. Illum iktar tfal għandhom aċċess għall-edukazzjoni, ilma nadif u sistemi ta’ saħħa aħjar. Madankollu l-kriżi tal-Ebola qed isservi ta’ tfakkira li l-inugwaljanzi jeżistu, u allura fadlilna ħafna x’nagħmlu biex negħlbuhom.
 
Il-Prim Ministru rrefera għal kwistjonijiet ta’ drittijiet umani u qal li fadal ħafna xi jsir permezz ta’ kultura ta’ djalogu li għandha tinfirex iktar. Huwa qal li l-konnettività globali qiegħda tikber fost il-popli u allura hemm bżonn ta’ promozzjoni ta’ modi aħjar kif mezzi moderni jitħaddmu. Huwa qal li l-ASEM jista’ jkun forum ideali biex titkompla d-diskussjoni dwar kif il-mezzi diġitali moderni ġabu d-dinja eqreb lejn xulxin u biex dawn jintużaw bl-aqwa mod biex jinħoloq ambjent diġitali iktar sigur.
 
Joseph Muscat saħaq li t-tisħiħ bejn iż-żewġ kontinenti, madankollu, jista’ jsir iktar effettiv permezz ta’ kuntatti bejn il-popli nnifishom permezz ta’ skambji bejn is-soċjetà ċivili u akkademiċi li jistgħu jsaħħu r-relazzjonijiet sodi li diġà jeżistu.
 
Huwa sostna li ż-żewġ kontinenti jridu jkomplu jħarsu ’l quddiem anke permezz tal-idea pjuttost riċenti magħrufa bħala The New Green and Blue Silk Road li tgħaqqad liż-żewġ kontinenti flimkien mal-Afrika f’dawk li huma relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali. “Dan huwa eżempju tajjeb ta’ kif nistgħu nimxu u naħdmu flimkien b’mod sostenibbli għall-futur,” temm il-Prim Ministru.
 

Aktar Kmieni:

Il-Prim Ministru Joseph Muscat bħalissa jinsab f’Milan fejn qed jattendi l-laqgħa għolja bejn il-kontinent Asjatiku u l-kontinent Ewropew.

Għal dan is-summit qed jattendu diversi mexxejja u kapijiet ta’ stat minn 52 pajjiż differenti fosthom il-Prim Ministru Ċiniż u l-President Russu. Intant il-Prim Ministru Malti se jkun wieħed minn fost erba' kelliema Ewropej li ntgħażel minn fost it-28 pajjiż li jiffurmaw l-Unjoni Ewropea.

Muscat mistenni jiffoka d-diskors tiegħu fuq it-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn iż-żewġ kontinenti u kif tista' tinbena alleanza bejn iż-żewġ partijiet li twassal għal qbil komuni dwar it-tibdil fil-klima.

Din hi l-għaxar laqgħa bejn iż-żewġ kontinenti u ssir kull sentejn. L-ewwel laqgħa għolja kienet saret fl-1996.

More in Politika