L-eks Kummissarju John Dalli, fetaħ front ieħor ilbieraħ billi ppreżenta affidavit imeri evidenza li ngħatat mill-Avukat Joe Zammit Maempel li qed jirrapreżenta lil Richard Cachia Caruana. Zammit Maempel apparti li hu viċin ħafna Austin Gatt permezz ta’ parentela, kien ukoll nominat minn Dalli stess bħala ċermen tal-Lotteries & Gaming Authority.
Dalli ġie mgħajjat bħala xhud fil-każ ta’ libell imressaq minn Richard Cachia Caruana kontra Saviour Balzan fejn ta x-xhieda tiegħu fis-27 ta’ Ġunju 2014.
Dalli spjega li fil-kontra eżami mill-Avukat ta’ Richard Cachia Caruana li sar nhar is-6 ta’ Ottubru 2014, Dr. Zammit Maempel esebixxa kopja ta’ artiklu li deher fit-Times of Malta tal-25 ta’ Lulju 2004 miktub minn Steve Mallia u insista li wara li dam ifittex xahrejn, dan kien l-unika darba li sab li Steve Mallia kiteb fuqu fil-kuntest tal-frodi li kienet saret kontrieh fl-2004, kemm qabel u kemm wara l-4 ta’ Lulju 2004 meta Dalli kien imġiegħel jirriżenja minn Lawrence Gonzi, li kien għadu jsir Prim Ministru.
Dalli żvela kif tfittxija ta’ ftit minuti fl-arkivji diġitali tat-Times of Malta stess għall-perjodu Ġunju, Lulju 2004, turi aktar minn ħamsin artiklu ppublikati fit-Times of Malta, ħamsa minnhom minn Steve Mallia. Qal ukoll li fl-istess perjodu kien hemm mal-erbgħin artiklu ppubblikat fil-Malta Independent, anke, f’xi każ bl-istess titlu li kien deher ukoll fit-Times of Malta.
John Dalli żied jgħid li fl-istess żmien kien hem rappurtaġġ minn Ivan Camilleri dak iż-żmien ġurnalista mal-PBS, fejn almenu f’każ minnhom qara rapport li kien deher fit-Times of Malta. Żied ifakkar li kien hemm l-attakk ukoll minn Lou Bondi. Hu insista li kien fuq dawn il-fatti li tkellem fuq attakk koordinat kontrieh.
Dalli qal li lest jelabora aktar fuq dawn il-punti u fatti oħra meta jerġa’ jiġi msejjaħ biex ikompli jagħti x-xhieda tiegħu.