‘Fire at will’ kienet id-deskrizzjoni li uffiċjal għoli Nazzjonalist uża biex jiddeskrivi l-mod kif Simon Busuttil qed jikkritika l-Gvern.
Dan wara li lbieraħ il-Ħadd hu kkummenta li l-Gvern ta’ Muscat kien il-kaġun ta’ ‘fabbrika tal-kanċer’ minħabba l-problema tal-karrozzi.
Frażi li Busuttil uża għax kien użaha Muscat qabel l-elezzjoni rigward il-power station ta’ Delimara.
“Kieku din il-problema tat-traffiku ġiet maħluqa issa, ma nagħtix tort lil ‘Simon’ biex jitkellem hekk, imma ħadd mhu se jieħdu bis-serjetà meta jsemmi l-problema tat-traffiku bħala xi ħaġa li jaħti għaliha Muscat.”
L-uffiċjal għoli qalilna li Busuttil qed jieħu d-deċiżjonijiet waħdu u mhux ispirat minn xi grupp.
Żied jgħid ukoll li Chris Said, is-Segretarju Ġenerali li qed joħroġ aggressiv mhux qed jagħtih pariri u safrattant sa ċertu punt qed iħallih “jgħaffeġ” – bil-ħsieb li hu eventwalment jitfa’ għajnejh fuq it-tmexxija.
Il-Ħadd, Busuttil attakka l-Gvern ta’ Muscat fuq it-traffiku konvjentament nesa li ironikament ħafna mill-proġetti fuq it-toroq huma proġetti li tniedu mill-Gvern ta’ Gonzi fosthom toroq li għandhom finanzjament mill-Kummissjoni Ewropea.
Fost dawn il-proġetti hemm dak ta’ Baħar iċ-Ċagħaq li kien idea ta’ Austin Gatt li suppost tħaffef it-traffiku għat-Tramuntana tal-pajjiż. Proġett li ħafna qed iqisuh bħala ħela ta’ flus u qerda bla bżonn tal-ambjent. “U dan meta realistikament dan mhu se jkollu l-ebda effett fuq it-traffiku,” sostna dan l-uffiċjal.