Meta semmejt il-korruzzjoni arrestawni

Aqra l-intervista sħiħa li għamel Frank Portelli fejn qal ukoll li Mintoff għamel il-ġid iżda għamel żbalji kardinali

Frank Portelli. Ritratt - Ray Attard
Frank Portelli. Ritratt - Ray Attard

X’ġiegħlek tikkontesta elezzjoni mal-Partit Nazzjonalista fit-tmeninijiet?

Dak iż-żmien il-Partit Nazzjonalista kien l-akbar tarka li kellu l-poplu Malti għad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, li kienu mhedda b’mod ikrah ħafna mill-partit Laburista ta’ dak iż-żmien wara li baqa’ jiggverna kontra r-rieda tal-maġġoranza. Għandi karattru li niġġieled kontra kull inġustizzja. Żmien Mintoff kien hemm inġustizzji bbażati biss fuq it-twemmin politiku tiegħek. Tant li l-għajta Laburista kienet li min mhux magħna kontra tagħna. Mintoff għamel ġid iżda żbalja meta ma kkontrollax il-vjolenza u l-inġustizzji. Żbalja wkoll meta ħalla lil partit imexxi kontra r-rieda tal-poplu. Dawn kienu l-iżbalji kardinali li għamel Mintoff.

Maż-żmien donnok li bdejt tibred mill-partit. Għaliex?

Fl-2008 ħadt parti attiva fil-kampanja elettorali u għamilt ħilti kollha biex jerġa’ jitla’ l-PN fil-gvern u biex Gonzi jerġa’ jsir Prim Ministru għax jien ħassejt li hu kien l-aħjar dak iż-żmien. Bejn l-2008 sa l-2013 jien bdejt inqajjem kwistjonijiet serji bħala whistleblower act biex biha niġġieldu kontra l-korruzzjoni, baqgħet ma saritx liġi avolja kienet imwiegħda lill-poplu. Kont qajjimt kwistjonijiet li kienu qed jinkwetawni bħal korruzzjoni fil-bini tal-isptar li llum ħarġu fil-beraħ.

“Is-sistema ta’ kontroll suppost hi, li waqt li tferra l-konkrit jiġu ċċekkjati; sebat ijiem wara jerġgħu jiċċekjawhom u anke wara 29 ġurnata. Tliet darbiet għal kontroll tal-kwalità. Issa min iffirma li għadda mill-kontrol tal-kwalità hu responsabbli u nispera li jittieħdu passi jkun xi jkun il-kulur politiku tiegħu fuq min hu responsabbli.

“Meta qajjimt dawn il-kwistjonijiet dwar korruzzjoni fil-Mater Dei u fuq Enemalta kont qisni vuċi fid-deżert. Kulmeta kont niftaħ ħalqi kont nispiċċa arrestat. Illum dispjaċut li dak li bdejt jien fl-2007 u kien fuq il-programm elettorali tal-PN, il-liġi tal-whistleblowers act, għaddiet taħt il-Labour, anke jekk b’mod dgħajjef ħafna.

Kien Joseph Muscat li rebaħ l-elezzjoni jew il-PN li tilef l-elezzjoni?

Naħseb Joseph Muscat kien sottostimat mill-Partit Nazzjonalista. Ma kienx għadu l-istess bniedem ta’ 5 snin qabel. L-Ewropa kienet bidlitu. Fl-istess waqt kien żmien fejn il-PN kellu ħafna problemi interni. Il-partit kien qed jagħmel żbalji kbar li ma kienx qed jagħti kas il-kritika li saritlu. Il-poplu kien ilu jibgħat messaġġi fl-elezzjonijiet ta’ kunsilli u tal-Ewropa. Kien jgħid li qed jisma’ iżda l-poplu m’emmnux. Il-PN tilfu l-elezzjoni iżda l-personalità ta’ Joseph Muscat għenet.”

Qabel l-elezzjoni l-PN donnu li ried jirbħek lura u offra li jixtri l-isptar tiegħek, San Filippu li kien magħluq? Vera dan?

Fl-2008, il-Federazzjoni tas-servizzi mediċi kienet qed tfittex biex takkwista sptar għal iżjed sodod. Kien jidher ċar li l-Mater Dei ma kienx kbir biżżejjed. Għax kien żball enormi li jinbena sptar li jieħu 850 sodda, jiġifieri 250 sodda inqas milli kellna St Luke’s. Għalhekk fi żmien meta John Dalli kien Ministru tas-Saħħa konna tkellimna diġà biex il-gvern jieħu l-isptar San Filippu. Meta flok Dalli laħaq Joe Cassar fl-2009, kienu qaluli li riduh għar-rijabitazzjoni. Fejn imbagħad riedu jixtruh, jikruh, riedu jikruh b’għażla li jixtruh. Sfortunatament din tant twalet li spiċċa ballun politiku fejn il-partit Laburista għamel kritika mhux ġusta fuq l-Isptar San Filippu.

L-isptar San Filippu għandu binja tajba li jistgħu jinbnew erba’ sulari oħra u jiġi estiż għal 285 sodda li kien ikun ferm utli biex tnaqqas il-lista ta’ stennija billi tipprovdi sodod għar-rijabitazzjoni.

Anke l-kolonni tal-konkrit huma tajbin.

Taqbel li jiġi rranġat l-Isptar San Luqa?

Biex tagħmel rinovazzjoni jridu jintefqu ħafna flus. Dan il-pajjiż għandu bżonn numru kbir ta’ sodod għall-anzjani fejn hawn aktar minn 2,000 anzjan jistenna biex jidħol f’dar tal-anzjani. U għall-10 snin li ġejjin se jkollna bżonn inżidu 200 sodda kull sena għal popolazzjoni anzjana li għandna fejn 25 fil-mija tal-popolazzjoni għandha ’l fuq minn 60 sena.

“Jien Nazzjonalist ta’ vera. Għax l-interess nazzjonali jiġi qabel kollox”

Taqbel li l-Gvern għandu jinċentiva polza ta’ assigurazzjoni fis-saħħa?

Dażgur li naqbel. Kull pazjent li jmur fi sptar privat ineħħi piż minn fuq l-Iskema Nazzjonali tas-Saħħa. Biex jinċentiva jrid jaqta’ mit-taxxa dawk il-ħlasijiet li wieħed iħallas għall-assigurazzjoni, għal mediċini mixtrija u kull spiża tat-tabib u kirurgi. Però dan ifisser li t-tobba jkollhom iħallsu taxxa aktar. Għax iridu joħorġu rċevuti biex il-pazjent jiffranka t-taxxa.

Jiġifieri t-tabib ma jħallasx taxxa kemm suppost?

Ħadd qatt ma talabni rċevuta lili għax kollha jkollhom sudizzjoni.

Joseph Muscat poġġiek fuq il-bord tal-PBS. Kien b’meritokrazija?

Jien qatt ma stennejt xejn. Niftakar li ċempilli Kurt Farrugia mill-OPM u qalli li ġejt propost fuq il-Bord tal-PBS. L-ewwel mistoqsija tiegħi kienet jekk dan ifissirx li ma nistax nikkritika iżjed u r-risposta kienet li nista’ nikkritika li rrid. U aċċettajt anke jekk qatt ma stennejt dan ir-rwol. Irrid ngħid li fil-bord tal-PBS hemm ħafna nies ta’ twemmin politiku differenti u mill-esperjenza tiegħi dejjem imxejna b’mod mill-aktar ġust. U juri dan il-fatt li naqilgħuha miż-żewġ naħat.

X’relazzjoni għandek mal-amministrazzjoni PN tal-preżent?

M’għandi l-ebda pożizzjoni ħlief ta’ membru tal-partit. Ir-relazzjoni ma’ Simon hi waħda tajba u riċenti ltqajt miegħu f’laqgħa twila fejn għidtlu li l-partit irid jirranġa l-ħsara li għamel il-gvern Nazzjonalista. M’offrieli xejn u ma tlabtu xejn.

Naħseb li Simon qed jipprova jiġbor il-biċċiet imkissra wara telfa massima li sofra l-gvern Nazzjonalista (għax l-elezzjonijiet jirbaħhom partit u jitlifhom il-Gvern) li kienet ilha tidher li ġejja. Kien hemm nies li normalment jivvutaw Nazzjonalisti li vvutaw u anke tkellmu f’mass meetings Laburisti biex ipoġġu lil partit Nazzjonalista fl-Oppożizzjoni biex jiġġedded. Issa jekk ma jirnexxilux inaqqas id-distakk imqar bi tliet kwarti, allura Simon Busuttil jkollu jwarrab. Barra hekk il-PN fl-Oppożizzjoni jrid juri verament lill-poplu li nbidel għax s’issa dan il-messaġġ għadu ma deherx u ma nħassx. Irid juri li nbidel u jaċċetta l-iżbalji. Għax ir-rebbieħ hu dak li jaċċetta l-iżbalji li wassluh għal telfa.

“Ħadd qatt ma talabni rċevuta lili għax kollha jkollhom sudizzjoni”

Darba int għidt li l-Isptar Mater Dei kien storja tal-waħx. Dwar kura tas-saħħa primarja nbidel xi ħaġa mill-amministrazzjoni l-oħra?

Mater Dei jagħti servizz eċċellenti lil pazjent grazzi għall-infermiera, tobba, paramediċi u kirurgi. Iżda mhux bħala binja fejn anke d-disinn hu ħażin. Pereżempju jekk tkun ITU l-pazjent jieħu r-raġġi ta’ kull X-Ray li tittieħed lill-pazjenti l-oħra għax m’hemm xejn li tipproteġih mir-raġġi.

Bħala saħħa primarja kollox għadu kif kien. Irid ikun hemm aktar servizzi fil-polikliniċi bħal X-Ray, ħa jnaqqsu l-piż esaġerat minn fuq Mater Dei.

L-isptar hu preparat f’każ tal-Ebola?

Jekk tidħol l-Ebola tkun ta’ ħsara kbira għall-ekonomija Maltija għax tgerrex lit-turist għax kontra kull stqarrija li ħarġet din tista’ tinfirex malajr. S’issa m’hawnx kura għaliha u l-uniku ħaġa li tista tagħmlilha hi l-prevenzjoni fejn trid tiżola lill-pazjent u tagħmlu kwarantina, għax il-virus idum biex jinkuba sa 42 ġurnata. Il-pajjiż kollu jrid jieħu bis-serjetà din it-theddida. Ma jistax ikun li l-ħaddiema tal-Forzi Armati jmorru għal nies fuq il-baħar ġejjin minn pajjiżi Afrikani bl-ingwanti biss. Anke l-ajruplani jridu jaraw il-klijenti minn liema pajjiżi ġejjin qabel jittellgħu fuq l-ajruplan u jekk ikun hemm xi ħadd b’temperaturi għoljin iridu jagħmlulu moniteraġġ tajjeb u ma jħalluhx jitla’ fuq l-ajruplan. Malta mhux tieħu bis-serjetà din it-theddida serja.

Ilum tqisek Nazzjonalist jew Laburist?

Jien Nazzjonalist ta’ vera. Għax l-interess nazzjonali jiġi qabel kollox. M’għandix kappestru u jekk il-partit, hu min hu, jagħmel xi ħaġa ħażina ngħidha b’mod pubbliku.

More in Politika