Minkejja li ilna niftaħru bil-Parlament ġdid iddisinjat mill-arkitett famuż Taljan Renzo Piano u li hu mistenni li se jqum, ma’ Bieb il-Belt, ’il fuq minn mitt miljun Ewro, jiġifieri aktar minn għoxrin miljun aktar milli kien ippjanat, dan xorta mhux kbir biżżejjed biex ikollu fih il-kmamar neċessarji għall-Ministri u funzjonarji oħrajn.
Jidher issa li l-Gvern, iffaċċjat b’dan in-nuqqas ta’ spazju fil-bini l-ġdid, qed jikkonsidra juża wkoll it-tieni sular tal-ħwienet fil-blokka ta’ City Gate faċċata bħala uffiċini, jiġifieri dak it-tieni sular ta’ ħwienet fuq Burger King. Nifhmu li dan ħoloq problemi kbar minħabba li dawn il-ħwienet iridu jiġu kumpensati biex joħorġu minn hemm. Barra minn hekk iżda din iż-żieda tal-Parlament ma tantx hi dinjituża għal min se jkollu uffiċċju hemm. Din il-mossa se tiswa lill-Gvern Malti mijiet oħra t’eluf kemm biex jiġu kkumpensati l-ħwienet u kemm biex isirilhom ix-xogħol meħtieġ biex isiru uffiċċini.