Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu Paul Bugeja qal dalgħodu waqt intervista fuq l-istazzjon ONE li preżentament hemm 16 il-applikazzjoni biex binjiet eżistenti fil-Belt Valletta jinbidlu f’lukandi żgħar ta’ kwalità, magħrufa aħjar fis-settur turistiku bħala Boutique Hotels.
Dawn il-lukandi, li diġà jeżistu ħafna bħalhom f’diversi bliet Ewropej, jattiraw niċeċ partikolari ta’ turisti li jkunu interessati fl-istorja u l-kultura tal-pajjiż aktar milli l-baħar u x-xemx li joffri pajjiżna. Ġeneralment, dan it-tip ta’ turiżmu hu popolari matul is-sena kollha u għalhekk jikkumplimenta sew mal-objettiv tal-awtorità Maltija tat-Turiżmu, dik li jiżdiedu t-turisti f’pajjiżna fix-xhur li normalment huma meqjusa bħala staġun kwiet.
Bugeja qal li apparti l-applikazzjonijiet għal boutique hotels fil-Belt Valletta, hemm ukoll applikazzjonijiet għal lukandi oħra li jistgħu jżidu n-numru ta sodod f’pajjiżna f’dversi żoni inkluż Buġibba.