Muscat għadu f'vantaġġ ta' 14-il punt fuq Simon Busuttil

Stħarriġ li sar mill-Malta Today matul il-ġimgħa li għaddiet juri kif il-ministri Laburisti qed jitilfu l-popolarita iżda l-poplu għadu jippreferi lil Joseph Muscat milli lil Simon Busuttil

Muscat għadu jgawdi distakk qawwi fuq Simon Busuttil
Muscat għadu jgawdi distakk qawwi fuq Simon Busuttil

Stħarriġ magħmul mill-MaltaToday matul il-ġimgħa li għaddiet juri waqgħa qawwija fil-klassifikazzjoni ta' kważi l-ministri kollha iżda l-barometru ta' min l-pooplu l-aktar jafda jibqa' f'idejn Joseph Muscat li qiegħed vantaġġ fuq Simon Busuttil b'14-il punt.

L-inqas popolari bħalissa hu l-ministru tat-trasport Joe Mizzi li minn 52% fi Frar li għadda niżel għal 25%. Il-fattur tat-traffiku fit-toroq laqat sew lil Ministru tat-Trasport..

Anke l-Ministru tal-Enerġija tilef ħafna mill-appoġġ li kellu fejn niżel bi 13-il punt, filwaqt li l-Ministru tal-Ambjent Leo Brincat ukoll niżel bi 12-il punt. Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna wkoll naqqas 11-il punt, kif ukoll Louis Grech id-deputat Prim Ministru naqqas 10 punti, filwaqt li l-Ministru tal-Intern tilef 9 punti. 

Il-Ministru tad-Djalogu Soċjali u Libertajiet Ċivili hi l-uniku ministru li żammet l-istess appoġġ li kellha.

Dan l-istħarriġ juri li filwaqt li l-gvern b'mod ħolistiku hu inqas popolari minn Frar li għadda, Muscat xorta hu aktar popolari mill-Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil, anke jekk naqqas punteġġ ta' 1.1, filwaqt li Simon Busuttil żied punteġġ ta' 2.3.

Wieħed jista' jara r-riżultat sħiħ ta' dan l-istħarriġ fuq il-gazzetta Malta Today

 

More in Politika