Bdiet il-kaċċa għal uffiċjal għoli tal-Pulizija ta’ Malta wara li dettalji ġo fajl tal-pulizija dwar investigazzjoni kriminali tal-fabbrika Ċiniża Leisure Clothing spiċċaw għand diriġenti tal-Partit Nazzjonalista ġewwa l-Pietà.
Sorsi mill-Pulizija qalu li jafu min hu imma m’għandhomx il-prova biex isammruh.
Il-fabbrika Ċiniża ilha topera Malta għall-aħħar 27 sena u kienet magħrufa ma’ kulħadd li l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema Vjetnamiżi u dawk Ċiniżi ma kienx wieħed sodisfaċenti. Imma qatt ma sar xejn f’dawn l-aħħar snin la mill-gvern Nazzjonalista u lanqas mill-gvern Laburista biex ċerti ħwejjeġ jiġu regolarizzati.
Is-sors tal-pulizija qalilna li filwaqt li bdew l-investigazzjonijiet mal-fabbrika, “…wieħed irid jiftakar li din il-fabbrika dejjem kellha l-benidizzjoni tal-gvernijiet kollha, safrattant kien hemm bosta ministri li kienu jintlibsu minn din il-fabbrika!”
Filwaqt li din il-gazzetta taf min hi l-persuna li għaddiet id-dettalji tal-fajl, huwa magħruf li dan il-każ spiċċa fil-mira tal-mezzi tax-xandir wara li numru ta’ impjegati ħadu azzjoni legali kontra s-sid ta’ din il-fabbrika.