Il-MEPA tiffinanzja ftuħ ta' ġnien fil-Pietà

Il-ġnien tranġa wara diversi talbiet mir-residenti tal-lokali

Michael Falzon waqt l-inawgurazzjoni tal-ġnien fil-Pietà
Michael Falzon waqt l-inawgurazzjoni tal-ġnien fil-Pietà

Is-Segretarju Parlamentari, l-Avukat Michael Falzon, flimkien mas-Sindku Keith Tanti, inawgura ġnien Patri Ġwann Frendo, fil-Pietà.  Dan il-ġnien ġie inawgurat mill-ġdid wara li fih saru diversi xogħlijiet ta’ immodernizzar u tisbieħ. Dan il-proġett kien ko-finanzjat mill-Urban Improvement Fund (UIF) fi ħdan il-MEPA.

F’diskors qasir waqt din iċ-ċerimonja, fil-preżenza tas-Sindku Keith Tanti u diversi kunsilliera, l-Avukat Falzon qal li l-Kunsill kien qed ikollu diversi talbiet mir-residenti sabiex dan il-ġnien jiġi rranġat.  Għalhekk, il-Kunsill, għamel xogħlijiet estensivi biex dan il-ġnien, li huwa mfittex ħafna mir-residenti, ġie rinovat. Dan il-ġnien ġie mgħammar b'dawl ġdid, mini-pitch tal-football, ġiet installata kamera tas-sigurtà u se jkun hemm ukoll aċċess b’xejn għal WIFI.

Dan kollu sar b’koperazzjoni sħiħa mal-MEPA li kkontribwiet finanzjarjament sabiex dan ix-xogħol kollu seta’ jsir.


L-Avukat Michael Falzon għalaq id-diskors tiegħu billi rringrazzja lil dawk kollha involuti f’dan il-proġett, speċjalment lill-ħaddiema tal-Kunsill, li ħadmu bla heda u volontarjament biex dan ix-xogħol seta’ jkun possibbli.  Huwa awgura li jkun hawn ħafna inizzjattivi oħra ta’ din ix-xorta fil-futur.

More in Politika