Hekk kif qed joqrob il-jum tal-bagit, hu mistenni li l-Prim Ministru Joseph Muscat iħabbar li bl-iskema tal-bejh taċ-ċittadinanza pajjiżna se jkun qed idaħħal mat-€350 miljun minn din l-iskema. Dan fid-dawl tax-xogħol kollu li qed iseħħ biex jiddaħħlu kemm jista’ jkun ċittadini Maltin permezz tal-iskema li ħolqot kontroversja politika kbira.
Intant ilbieraħ il-Prim Ministru Muscat wasal lura Malta minn Singapore fejn indirizza konferenza bil-għan li jikseb aktar interess f’din l-iskema. F’din il-konferenza hu kien il-mistieden speċjali filwaqt li kien ukoll akkumpanjat minn delegazzjoni pjuttost kbira li nkludiet lil Andrè Zarb minn KPMG.
Fid-dawl ta’ tnaqqis fil-bejgħ tar-retail, id-dħul ta’ €350 miljun hu mistenni li jmur biex iħalli togħma tajba fl-ekonomija Maltija. Il-bejgħ ta’ passaporti apparti li se jħalli flus lill-Gvern, se jħalli wkoll bagatella kbira lill-avukati Maltin u negozji li qed jitolbu mas-€70,000 biex jipproċessaw kull applikazzjoni għax-xiri ta’ passaport Malti.