Kritika qawwija għall-isfreġju taż-żona taż-Żonqor

Ambjentalisti jattakkaw il-bini ta' lukandi fil-kosta taż-Żonqor

art verġni fejn qed jiġi propost li tinbena lukanda
art verġni fejn qed jiġi propost li tinbena lukanda

Il-proposta biex jinbnew tliet lukandi li jirvinaw il-kosta tax-Xgħajra-Mwieġel-San Anard-Żonqor b'aktar bini tas-siment, flok jiġi riabilitat ekoloġikament ħolqot rabja kbira fost l-ambjentalisti.

Lukanda fi Smart City hu aċċettat u anke konverżjoni tal-Forti Leonardo jista' jiġi aċċettat jekk iżomm l-istatus ta' konservazzjoni, iżda żvilupp fuq art verġni qatt ma jmissha tiġi biss ikkunsidrata.

Il-fatt li l-unit tal-privatizzazzjoni tal-Gvern ippreżenta din il-proposta juri li l-awtoritajiet m'għandhomx viżjoni għall-ippjanar tal-kosta tal-gżira kollha tagħna. Juri wkoll li lanqas kreattività biex jipproduċu prodott turistiku b'differenza m'għandhom. Min qed jieħu d-deċiżjonijiet f'Malta għadu ma fehemx li art miftuħa agrikola ma tfissirx li qiegħda hemm biex tiġi żviluppata bil-bini. Iżda trid tiġi utilizzata għas-saħħa fiżika u mentali tan-nazzjon. Biex wieħed jibni dawn il-lukandi iżolati jridu jinbnew toroq u servizzi oħra li biex isiru trid tittieħed aktar art għammiela.

Il-linja kostali hi tal-poplu bil-liġi u anke bil-konvenzjoni ta' Barcellona fejn Malta kkommettiet ruħha li tippriserva l-kosta tagħha għal benefiċċju taċ-ċittadini tagħha tal-preżent u anke tal-ġenerazzjonijiet tal-futur. Dan il-proġett wasal fl-istess żmien meta ttieħdet deċiżjoni oħra biex il-bini tal-lukandi jkompli jogħlha 'l fuq.

Għal snin sħaħ kien hemm diskors biex jitjieb il-medjokrità ta' Buġibba. Minflok dan il-gvern qed ikompli jimxi b'politika b'aktar żvilupp fuq art verġni. Filwaqt li l-FAA (Flimkien għall-Ambjent Aħjar) taqbel li jitkabbar it-turiżmu fin-naħa t'isfel ta' Malta, il-prijorità trid tkun li jiġi riabitat dak li hemm abbandunat bħal Jerma Palace Hotel.

More in Politika