Is-sindku tas-Siġġiewi jitlob li l-Knisja tieħu passi kontra Patri Mark Montebello

Il-President tal-Kunsill tal-Partit Nazzjonalista jgħid li bl-aġir tiegħu Patri Montebello hu kompliċi

Il-facebook status tal-president tal-Kunsill amministrattiv tal-PN
Il-facebook status tal-president tal-Kunsill amministrattiv tal-PN

L-Avukat Karol Aquilina li hu s-sindku Nazzjonalista tas-Siġġiewi u l-President tal-Kunsill Amministrattiv tal-PN fuq is-sit soċjali, Facebook kiteb status qawwi fuq Patri Mark Montebello bit-titlu. Is-silenzju li jiswa l-mijiet t’eluf ta’ Ewro. Dan wara li Patri Mark Montebello stqarr li hu kien il-persuna li f'isem ħaddieħor li skont hu kien raġel miżżewweġ u ma jridx isemmih, offra lill-avukat tal-vittma ta' Fr Charles Fenech (Dumnikan bħalu) mijiet ta' eluf biex tagħlaq ħalqha. Iżda la l-avukat u lanqas il-vittma ma riedu li jkunu mixtrija għas-silenzju u dan li kiteb Karol Aquilina:

Illum fis-Sunday Times ta’ Malta ħarġet l-aħbar li Patri Mark Montebello kien wassal messaġġ fis-sens li kien hemm persuna lesta toffri somma li tlaħħaq il-mijiet t’eluf ta’ Ewro biex allegata vittma żżomm is-silenzju dwar allegat abbuż minn Patri Dumnikan.

Patri Mark Montebello żgur jaf li l-verità m’għandha qatt ikollha prezz marbut magħha. U żgur jaf ukoll li l-aġir tiegħu jagħmlu kompliċi f’attentat (iddisprat) biex tinħeba l-verità, hi x’inhi. Il-konsegwenza tal-imġieba ta’ Patri Montebello kienet twassal biex mhux biss ma ssirx ġustizzja mal-allegata vittma, iżda lanqas mal-kollega tiegħu l-Patri Dumnikan.

Quddiem dan kollu, il-Knisja f’Malta ma tistax tibqa’ ma tieħu l-ebda passi, dejjem f’ġieħ il-verità u s-sewwa.

More in Politika