L-UE għallqet lil John Dalli fuq provi indizjari
L-investigazzjoni tal-kap tal-Olaf Giovanni Kessler tkompli toħroġ aktar provi favur John Dalli
minn John Busuttil
Meta l-kap tal-OLAF, Giovanni Kessler kien quddiem il-ġurnalisti ta' Brussell fis-17 ta' Ottubru 2012 - il-ġurnata meta Dalli tilef l-impjieg tiegħu - il-messaġġ tiegħu ma kienx faċli li jbiegħu.
L-ewwel qal li ma kienx hemm evidenza konklussiva ta' parteċipazzjoni diretta tal-kummissarju f'attentat li jkun imxaħħam. Wara, b'idejh ix-xellugija tagħfas fuq il-podju waqt li qara l-istqarrija li kien hemm provi indizjari u mhix ambigwa li Dalli kien jaf bit-tixħim.
Ġurnalisti kienu diġà bdew jattakkaw lill-UE dwar dan il-każ fejn kien hemm min staqsa lil kelliema tal-Kummissjoni Ewropea Pia Hansen, "Jekk xi ħadd jagħmillek proposta indiċenti, bħalma ddeskrivietha l-Iswedish Match, għandek tort tiegħek jekk ma tindikax li int inklinat li tkun indiċenti?
Ieħor staqsa x'kien l-iżball ta' Dalli li ma qalx bl-attentat lil Barroso? Kien hawnhekk li l-kelliema wieġbet biss li r-rapport tal-Olaf intbagħat lill-awtoritajiet Maltin u Dalli kien irriżenja.
Il-mezzi tax-xandir barranin ħaduha aktar bi kbira meta aktar tard saru jafu li Dalli stess ma ġiex muri r-rapport li sar kontrieh. Kulma fih dan ir-rapport kienu provi indizjari ('circumstantial evidence'), stqarrijiet minn xhieda, rekords ta' telefonati, transkrizzjoni ta' konversazzjoni irrekordjata, emails u sms's u noti dwar l-istorja tal-protagonisti.
Ir-rapport kien jgħid li Dalli ltaqa' ma' lobbyists tat-tabakk waqt li kienu bil-qalziet tal-għum fil-Kempinski f'Malta fl-20 ta' Awwissu 2010. Jgħid ukoll li reġa' ltaqa' magħhom, Gayle Kimberley u Silvio Zammit li issa kienu qed jaħdmu għal Swedish Match fl-uffiċċju tiegħu f'San Ġiljan fis-6 ta' Jannar 2012.
Jgħid ukoll li seta' kellu kuntatt magħhom għat-tielet okkażjoni permezz ta' Zammit fid-dar privata tiegħu fl-10 ta' Frar 2012. Kien hemm miktub ukoll li kien hemm diversi telefonati bejn Dalli u l-lobbyists bejn is-6 ta' Jannar u l-10 ta' Frar.
Dalli u Zammit ikkuntattjaw lil xulxin 23 darba bejn il-5 ta' Jannar u s-17 ta' Lulju 2012. Meta kien ikun imħabbat Dalli kien iwieġeb wara ftit sekondi, u dan kien jimmultiplika n-numru ta' telefonati.
Olaf jgħid li skont il-logs tat-telefonati li kienu ottenuti mill-awtoritajiet Maltin juri li f'okkażjoni minnhom Zammit waqqaf il-konversazzjoni ma' lobbyist Inge Delfosse, u ċempel lil Dalli u wara reġa' ċempġel lil Delfosse. Fi transkritt ta' Delfosse, Zammit talabha flus għat-tixħim. Fl-istess logs hemm ukoll li wara li Zammit ġie nterrogat mill-Olaf hu ċempel mill-ewwel lil Dalli. Kimberley u Zammit bejn it-13 ta' Frar 2012 u l-5 ta' Lulju 2012 ċemplu lil xulxin 20 darba u bagħtu tużżani ta' messaġġi lil xulxin.
Sadattant Kimberley għamlet rapport lil Swedish Match fejn qaltilhom li Dalli gġħandu moħħu miftuħ u mhux pre kundizzjonat kontra s-snus.
"Inħoss li jekk hemm kummissarju li kapaċi jneħħi l-ban hu dan...għandi aċċess dirett għal kummissarju li nibgħatlu emails jew informazzjoni li rridu."
Hi qalet li hi, Dalli u Zammit fl-10 ta' Frar ftiehmu bi pjan li wassal lil Zammit li jitlob €60 miljun bħala tixħim mingħand Swedish Match. Hi nnutat li tkellmu dwar min iridu jinnominaw fil-kabinett ta' Dalli biex il-pjan ta' snus imur tajjeb, min huma l-'ħbieb' ta' Dalli fil-kummissjoni u l-profitt annwali ta' Swedish Match u kif dalli se jipproċedi dwar il-ban tas-snus u x'għandu bżonn.
Iżda dan ir-rapport jirrekordja diskrepanza kbira fl-10 ta' Frar fil-laqgħa tad-dar ta' Dalli. Kimberley oriġinarjament qalet li marret id-dar ta' Dalli ma' Zammit. Iżda meta ġiet interrogata minn Kessler il-Portugall kienet qalet li hi gidbet mal-kumpanija Żvediża biex b'hekk tassigura s-somma ta' €5,000 tal-konsultazzjoni. Hi qalet lil Kessler li xogħolha kien biss li tgħin lil Zammit jippreparala laqgħa ma' Dalli fl-10 ta' Frar. Hi tat dokument 'Meeting with the commissioner' fuq pjan strateġiku ta' attakk, li hu rritornalha fil-ġurnata tal-10 ta' Frar b'noti fuq il-ġnub tad-dokument bil-kaligrafija ta' Zammit.
Olaf qalu li dawn in-noti kienu prova li Zammit u Dalli ltaqgħu u ddiskutew l-isnus fl-10 ta' Frar.
Iżda t-tweġibiet ta' Zammit ftit kienu jagħmlu sens. Pereżempju fejn kien hemm il-mistoqsija min huma l-ħbieb ta' Dalli, Zammit kiteb fuq il-ġenb Franza. U li Dalli jgħid li Franza kienu alleati biex ineħħu l-ban fuq l-isnus ma kinitx tagħmel sens. Għax Franza ma kinux baqgħu ħbieb ma' Dalli meta dan approva li jikkultivaw patata ġenetikament modifikata minn kumpanija Ġermaniża.
U jekk kien hemm membri stati li kienu jaqblu mal-Isnus kienu jew l-Iżvezja inkella l-Ingilterra minħabba l-ħbiberija tagħhom mal-British American Tobacco.
L-Olaf ippruvaw isibu fingerprints fuq id-dokument ta' Dalli li iżda ma sabu xejn. Allura x'ġara eżatt fl-10 ta' Frar?
Zammit u Dalli qablu li ltaqgħu iżda ddiskutew flimkien il-politika lokali. Għax dak iż-żmien Zammit kien qed jikkontesta l-kunsill lokali ta' Sliema u qabel kien wieħed mill-kanvassers ta' Dalli.
Sadattant Kimberley fix-xhieda tagħha għand Olaf qalet li t-telefonati u l-messaġġi li kellha ma' Zammit ma kellhomx x'jaqsmu xejn mal-isnus. Min-naħa ta' Dalli dan qal li hu qatt ma rraporta l-laqgħa f'San Ġiljan fis-6 ta' Jannar għax kienet laqgħa insinjifikanti u dakinhar Zammit qatt ma qallu li Kimberley kienet taħdem ma' Swedish Match.
Id-difensuri ta' Zammit qalu li la Kimberley kienet kapaċi tammetti li gidbet dwar il-laqgħa tal-10 ta' Frar ma' Swedish Match setgħet għamlet l-istess dwar ir-rapport tas-6 ta' Jannar biex timpressjona lil kumpanija Żvediża.
Dalli qal ukoll lil EU Observer li wara s-6 ta' Jannar, "Silvio Zammit qatt ma ġie lura jkellimni dwar SNUS."
Sadattant EU Observer għandhom evidenza ġdida f'idejhom li tissuġerixxi li Kimberley kienet involuta sew li tipprova xxaħħam milli fil-fatt tat x'jifhem lil Olaf waqt l-investigazzjoni.