Karba biex il-Partit Laburista jsir aktar xellugi

Ittra ffirmata minn 26 kittieb u ħassieb

Ħassieba u kittieba Xellugin jitolbu lil Muscat biex il-PL jirritorna għall-għeruq tiegħu

Il-lista ta’ ħassieba u kittieba tinkudi eks-Prim Ministru, eks mexxej ta’ Union, eks ġurnalisti, qassisin u letturi fl-Università. Dan il-grupp ta’ 26 persuna li ġejjin minn oqsma differenti tal-ħajja bagħtu ittra lill-Prim Ministru fejn fiha ilmentaw li l-Partit Laburista qed jitbiegħed wisq minn dak li għalih kien ġie mwaqqaf oriġinarjament. Il-grupp li jvarja minn akkademiċi u attivisti xellugin sa eks-politiċi u membri parlamentari Laburisti, dawn tkellmu u wrew it-tħassib tagħhom fuq it-triq li qabad dan il-Gvern li ma tmurx ma’ dak li għalih ġie ffundat dan il-partit.

Semmew ir-raġunijiet prinċipali wara t-twaqqif tal-Labour oriġinali li riedu jeqirdu l-ġuħ u l-faqar mill-pajjiż waqt li lill-ħaddiema jagħtuhom id-“dinjità u sehem mit-tmexxija tal-pajjiż.” Sostnew li l-Gvern qed jiddevja mill-għanijiet oriġinali f’diversi oqsma tal-ħajja fosthom l-ambjent, l-edukazzjoni, is-servizzi soċjali u s-saħħa. 

Fl-ittra, tkellmu dwar il-fatt li l-ħajja dejjem togħla waqt li l-ħaddiem dejjem jiġġieled biex ilaħħaq bil-paga li għandu. Hawn jikkritikaw lill-Gvern għaliex “jibża’ juża kliem bħal żieda fil-paga minima u tqassim aħjar ta’ ġid” waqt li huma jipproponu li l-Gvern jieħu aktar mingħand min għandu, biex jingħata lil min m’għandux. 

Patri Mark Montebello kien fost il-firmatarji
Patri Mark Montebello kien fost il-firmatarji
Karmenu Mifsud Bonnici  kien fost il-firmatarji
Karmenu Mifsud Bonnici kien fost il-firmatarji

Huma akkużaw li bil-mod ta’ kif il-Gvern jitkellem dwar l-abbużi li huma aktar assoċjati ma’ nies li jiddependu mis-servizzi soċjali, ikun qed iżidu l-istigma fuq dawk li jiddependu minn dawn is-servizzi. Dan waqt li ħafna abbużi jsiru minn membri ta’ kategoriji oħra tas-soċjetà, bħalma huma n-negozjanti u l-professjonisti. 

“Il-Gvern qed jillaxka r-regoli marbuta mal-ambjent”

Fejn għandha x’taqsam l-edukazzjoni, dawn il-ħassieba u kittieba esprimew li għalkemm jemmnu li edukazzjoni tajba hi importanti, jħossu li l-Gvern qed jitfa’ wisq piż fuq l-edukazzjoni u “jġiegħel lil min jaħseb li l-edukazzjoni tista’ ssolvi l-problemi soċjali kollha.” 

Tema oħra li ssemmiet fl-ittra kienet dik tal-ambjent u l-bini fejn il-Gvern ġie akkużat li jrid jogħġob lill-ispekulaturi tal-industrija tal-bini għax qed “jillaxka r-regoli marbuta mal-ambjent” u fl-istess waqt, il-prezzijiet tal-bini mhux jonqos b’konsegwenza li n-nies jkunu sidien ta’ djarhom tard f’ħajjithom.

Finalment, tkellmu dwar is-saħħa u wrew it-tħassib tagħhom li f’xi każi, din m’għadhiex fil-fatt b’xejn għaliex ħafna spiċċaw ibatu biex iħallsu għal viżti u l-kura privata.

Temmew l-ittra billi sostnew li huma fiduċjużi li din hija l-fehma ta’ bosta u fl-istess waqt jittamaw li l-Gvern jerġa’ lura lejn għeruqu fejn jitfa’ bħala prijorità l-valuri oriġinali: “l-ġustizzja soċjali u l-wens lejn min hu l-aktar fil-bżonn”.

L-ittra ġiet iffirmata minn 26 ħassieb u kittieb xellugi: Joseph Bartolo, George Busuttil, Colin Calleja, Raymond Camilleri, Bernard Cauchi, Ruth Cauchi, Jacqueline Chircop, Louise Chircop, David Cuschieri, Antonio Dato, Catherine Dato, Joseph Gravina, Michael Grech, Peter Mayo, Sammy Meilaq, Alfred (Freddie) Micallef, Charles Miceli, Karmenu Mifsud Bonnici, Chris Mizzi, Fr. Mark Montebello, Erica Schembri, Fr. Angelo (Dun Anġ) Seychell, Mary Grace Vella, Ġwann Xerri, Raymond Zahra, Anna Zammit.

More in Politika