L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) appella lill-Membri Parlamentari biex jivvutaw favur l-emendi proposti mill-Oppożizzjoni għan-nota legali li introduċiet id-direttiva tal-UE kontra l-kawżi SLAPP.
Qabel id-dibattitu parlamentari ta’ waranofsinhar, l-IĠM saħaq fuq il-bżonn li tiżdied il-protezzjoni għall-ġurnalisti u persuni oħra li jiffaċċjaw kawżi SLAPP (Strategic Lawsuits Against Public Participation).
Bħalissa, in-nota legali li daħlet fis-seħħ is-sena l-oħra tipprotegi biss kontra kawżi SLAPP ta’ natura transnazzjonali. L-emendi proposti mill-Oppożizzjoni jimmiraw biex jingħalaq dan il-lakuna u li l-protezzjoni tkun estiża wkoll għal kawżi mressqa Malta.
L-IĠM saħaq li dan hu pass essenzjali biex tissaħħaħ il-libertà tal-istampa u jiġi evitat l-użu abbużiv tal-liġi biex ġurnalisti jkunu intimidati.
Emenda ewlenija oħra proposta mill-Oppożizzjoni hija li jiżiedu l-multi finanzjarji kontra min jibda kawżi SLAPP. Taħt il-liġi preżenti, il-multa massima hija ta’ €10,000, filwaqt li l-emendi jissuġerixxu li din tkun il-multa minima, u l-massimu jitla’ għal €100,000.
L-IĠM wera l-appoġġ sħiħ tiegħu għal din l-emenda, u argumenta li multi ogħla jkunu deterrent reali kontra kawżi abbużivi bl-għan li jżommu lill-ġurnalisti siekta.
L-IĠM ikkritika wkoll l-approċċ tal-gvern għall-miżuri kontra l-SLAPP, u saħaq li n-nota legali tas-sena l-oħra implimentat biss il-minimu rikjest mid-direttiva tal-UE.
L-Istitut fakkar ukoll il-wegħda tal-gvern f’Ottubru 2023 li joħroġ White Paper dwar riformi aktar wiesgħa tal-midja, inkluż tibdil fil-Kostituzzjoni, l-Att dwar il-Midja u d-Diffamazzjoni, il-Kodiċi Kriminali, u liġijiet relevanti oħra.
Madankollu, minkejja din il-wegħda, sa issa l-ebda White Paper ma ħarġet. L-IĠM esprima d-diżappunt tiegħu dwar din id-dewmien u saħaq fuq il-bżonn urġenti ta’ riformi komprensivi biex il-ġurnalisti jkunu mħarsa u l-libertà tal-istampa tkun garantita.