In-Nazzjon imgiddbin f'libell minn Silvio Scerri

Il-libell minn Silvio Scerri dwar l-artiklu li deher il-Ħamis 7 ta' Awwissu 2014

L-artiklu li deher fuq in-Nazzjon
L-artiklu li deher fuq in-Nazzjon

Illum kien hemm kawża ta’ libell imressqa minn Silvio Scerri, Chief of Staff fil-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali kontra l-edituri tan-Nazzjon u l-Malta Right Now fuq artiklu li deher il-Ħamis 7 ta’ Awwissu, 2014.

Fi stqarrija li ntbagħtet lill-mezzi tax-xandir intqal li f’artiklu li deher fuq In-Nazzjon kien intitolat ‘L-arroganza u l-indħil politiku qed iwasslu għal riżenji’. Dan l-artiklu kien jgħid li kien hemm problemi bejn il-Kap tas-Servizzi Sigrieti Michael Cassar u d-deputat tiegħu, Mark Galea u li ‘il-problemi għal Galea komplew jiżdiedu għax meta pprova jiġbed l-attenzjoni tal-Ministeru mmexxi minn Manuel Mallia, iċ-Chief of Staff  Silvio Scerri qabeż għal Cassar. Dan wassal lil Galea jsaħħaħ it-teorija tiegħu, speċjalment wara ndħil żejjed minn Scerri.’

Iżda llum fix-xhieda li taw il-Kap tas-Servizzi tas-Sigurtà Michael Cassar kif ukoll l-eks Deputat Kap tas-Servizzi Sigrieti, Mark Galea, b’mod ċar giddbu dak kollu li ġab l-artiklu ta’ In-Nazzjon.

Michael Cassar qal li qatt ma kellu argument ma’ Mark Galea u aktar u aktar qatt ma kien hemm indħil minn Silvio Scerri. Fil-qorti Michael Cassar qal hekk ‘Jien nista ngħid li ndħil minn Silvio Scerri qatt ma kelli’.

Mark Galea, l-eks deputat Kap tas-Servizzi Sigrieti qal li d-deċiżjoni li ma jibqax fis-Servizzi Sigrieti iżda jmur lura fl-Armata minn fejn kien sekondat, ħadha hu biss, u kompla jgħid ‘is-Sur Silvio Scerri bl-ebda mod ma involva ruħu’. Galea qal li ‘qatt ma rċivejt ordnijiet mingħand Silvio Scerri’. Mark Galea qal ukoll li apparti l-Brigadier tal-Forzi Armati Jeffrey Curmi, li infurmah bil-każ biex jistaqsih jekk ma jistax jirritorna fl-Armata, u lill-familja tiegħu, ma tkellem ma’ ħadd dwar din id-deċiżjoni.

Waqt ix-xhieda tiegħu, Silvio Scerri qal li f’din l-istorja m’hemmx farka verità. Hu wkoll qal li qatt ma ltaqa’ ma’ Mark Galea, ħlief informalment biex jawguralu u l-anqas biss kien jaf bl-ilment tiegħu. Silvio Scerri qal li qatt ma ltaqa’ l-anqas ma’ Michael Cassar fuq dan il-każ.

Silvio Scerri qal l-istorja tant kemm kienet intenzjonata biex tgħamillu ħsara li f’parti tal-artiklu, min kiteb l-artiklu vvinta wkoll li l-Kap tad-Detenzjoni, Mario Schembri, ukoll irriżenja minħabba l-istess allegati raġunijiet. L-artiklu jgħid hekk ‘Jirriżulta li Mario Schembri tefa’ r-riżenja tiegħu t-Tlietali għadda, iżda l-Minsitru Manuel Mallia ma riedx jaċċettaha. Għaldaqstant issejħet laqgħa urġenti bit-tama li tinsab it-triq tan-nofs. Sorsi mill-Ministeru ta’ Mallia qalu li r-raġuni ewlenija wara din ir-riżenja kienet ta’ ndħil politiku miċ-Chief of Staff Silvio Scerri. L-istess sorsi jispjegaw li madwar 40 uffiċjali fid-Dipartiment għandhom l-arja tal-Ministru għalhekk, bħala Direttur, Schembri spiċċa qisu kelb bla snien u idejh marbutin.’

Silvio Scerri qal li din l-aħbar hija kollha kemm hi falza tant li Mario Schembri stess ċempel il-Ministeru biex jgħid li ma jafx minn fejn inqalgħet l-aħbar għax hu qatt ma wera x-xewqa li jirriżenja, tant li għadu fl-istess pożizzjoni sal-lum il-ġurnata.

Silvio Scerri temm ix-xhieda tiegħu billi qal li hu ħadem għal 11-il sena f’żewġ Ministeri oħra taħt Gvern Nazzjonalista, iżda dak ż-żmien ħadd ma kien jakkużah b’indħil politiku. Issa għax inqeleb il-Gvern u qed jaħdem ma’ Gvern Laburista, qed jiġi akkużat b’dan il-mod biex issirlu ħsara.

More in Politika