F’ħidma konġunta bejn id-Direttorat għat-Tindif fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura u l-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, għada filgħodu se jibda xogħol ta’ tindif fiż-żona t’isfel ta’ Sant Iermu, il-Belt Valletta.
Huwa stmat li b’kollox se jitneħħew ‘il fuq minn 90 tunnellata skart.
Peress li dan is-sit kien qed jintuża mid-dilettanti tal-Karnival, u kien anke okkupat illegalment minn xi individwi, matul is-snin akkumula ammont kbir ta’ skart, li jinkludi fdalijiet ta’ armar tal-Karnival, skart ta’ kostruzzjoni u biċċiet ta’ għamara. Għal xi żmien, is-sit kien jintuża bħala Officers’ Quarters fi żmien l-Ingliżi u kien anke ntuża għall-film “Midnight Express.”
Ix-xogħol ta’ tindif se jsir bl-għajnuna tad-dilettanti tal-Karnival u se jkun hemm il-preżenza tal-Pulizija.
Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi qal li dan ix-xogħol se jkun qed jgħin biex jikkumplimenta x-xogħol ta’ restawr li qiegħed isir fuq Forti Sant Iermu, fejn il-proġett mistenni jkun lest fil-ġimgħat li ġejjin.
L-aċċess għal fuq is-sit huwa mill-mina ta’ fuq u għalhekk, mhux kull tip ta’ vettura tista’ tidħol. Għaldaqstant, se jintużaw vannijiet żgħar li għandu d-Direttorat u x-xogħol isir fuq medda ta’ ġranet, peress li ma jkunx jista’ jieqaf xogħol regolari li jsir f’lokalitajiet oħrajn.
Huwa stmat li hemm madwar 40 vann b’materjal li jrid jitneħħa.