Baġit 2015 - aġġornamenti u kummenti

Żomm ruħek aġġornat b'aħbarijiet u kummenti dwar il-Baġit 2015

Il-preparamenti tal-baġit 2015
Il-preparamenti tal-baġit 2015

L-ILLUM se jkun qed iwassal aġġornamenti u kummenti dwar il-baġit li se jressaq il-gvern aktar tard illejla. Il-Ministru tal-Finanzi hu mistenni li jibda jaqra l-baġit fil-Parlament għal ħabta tas-6.30pm. Sa minn qabel il-qari tal-baġit se nkunu qed inwasslulkom numru ta' kummenti u analiżi dwar il-baġit 2015 minn kelliema u opinjonisti.

Se nippremjaw il-bżulija – Joseph Muscat

Meta kien qed jitkellem waqt attività politika fiż-Żejtun ilbieraħ filgħodu, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li dan il-baġit se jkun baġit li jippremja l-bżulija. “Għada se nieħdu deċiżjonijiet li ilhom biex jittieħdu ż-żmien. Huma deċiżjonijiet li se jagħtu lil uliedna ħajja aħjar. Waħda mid-deċiżjonijiet li rridu nieħdu hija x’tip ta’ pajjiż irridu ngħixu fih. Il-ħaddiema bieżla fl-aħħar tax-xahar jaraw biċċa mill-paga tagħhom imnaqqsa u jien għandi rispett lejn dawn in-nies bieżla, nies li jissallbu biex jagħtu ħajja aħjar lil uliedhom. Aħna se nippremjaw il-bżulija” qal Muscat.

Il-Prim Ministru qal li ma jistax iħalli li l-flus li jinġabru mit-taxxi ta’ dawk in-nies li jaħdmu, ta’ dak in-nies li jissallbu, ta’ dawk in-nies li huma verament bieżla jmorru għand min ma jrid jagħmel xejn, għand min irid jitgħażżen. “Din hija kwistjoni fundamentali tal-ġustizzja soċjali. Irridu naraw li dik il-frotta li ħadna li kibret mill-ġid li saqqejna, naraw li jeħodha minn l-iktar li għandu bżonn, min ma jistax isib xogħol, jeħodha min għandu diżabbilità, min hu marid, il-pensjonant, dik hi l-ġustizzja soċjali, li ngħinu lil min għandu bżonn. Ma ngħinux iżda lil dik il-minoranza żgħira li ma tridx taħdem, li jemmnu li jistgħu jiffirmaw u jitilqu 'l hemm” stqarr il-Mexxej Laburista.

Hu insista li biex l-ewwel xi ħadd jaħseb fik, trid taħseb fik innifsek. “Dak huwa l-ikbar prijorità tal-ħaddiema u l-familji u n-negozji, li jgħidulek li iva jien lest li nagħti xi ħaġa taxxa biex ngħin lil min għandu bżonn, iżda teħodhiex biex tagħtiha lil min ma jrid jagħmel xejn u li qed jisraqna. Din hija riforma li ilha biex tidħol. Wasal iż-żmien li nagħtu ċans lil kulħadd. Li ma niġġudikawx. Hawn min verament jixtieq isib xogħol u ma jistax u hawn min ma jridx jaħdem. Jien nippreferi li l-flus li qegħdin nonfqu ma niffrankaw xejn minnhom, iżda li dawn il-flus nonfquhom fuq min għandu verament bżonn”.

Il-Prim Ministru kompla jgħid dan se jkun baġit li fih il-gvern se jkun qed juri lill-poplu l-pjan ta’ sena ħidma. “Għada se mmorru quddiem il-Parlament b’ottimiżmu kbir, fejn dak li għedna beda jitwettaq. Sens ta’ ottimiżmu li aħna ngħożżuh. Dak li kuljum iġegħelna nkunu kburin. Sens ta’ ottimiżmu li nafu li mhux perfetti, iżda fejn il-poplu kollu jaf li dan huwa Gvern li qed jaħdem u jwettaq. Il-poplu jaf li dak li qed nagħmlu qed nagħmluh b’ritmu li qatt ma rajna bħalu. Dan huwa ottimiżmu li qed iħossuh mhux biss il-familji iżda anke n-negozji. Jafu li sejrin fid-direzzjoni t-tajba. In-nies qed iħossu li għandhom aktar flus fil-but. Jekk il-Gvern qed jieħu miżuri, qed jieħu mizuri sabiex in-nies iħossuhom aħjar” saħaq Muscat. 

“L-għan tagħna huwa li noħolqu klassi medja ġdida. Klassi medja li lill-Gvern tista’ tgħidlu tgħiniex iżda almenu tfixkilniex. Wieħed irid isaqsi, jekk Malta llum hux aħjar minn 18-il xahar ilu? L-affarijiet mexjin aħjar minn 18-il xahar ilu? Il-maġġoranza silenzjuża fis-skiet ta’ darha, tivvota lil min tivvota, illum taf li dan il-Gvern qed jikseb ir-riżultati. In-nies jafu li dan huwa Gvern li jieħu d-deċiżjonijiet” tenna l-Prim Ministru.

Żied jgħid, “Raħħasna l-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Ħaddieħor kien jgħidilkom idrawhom il-kontijiet għoljin, aħna ngħidulkom idraw il-kontijiet orħos. Daħħalna s-servizz taċ-Childcare, żidna l-istipendji, naqqasna l-income tax, tajna lura t-taxxa mħallsa żejda fuq ir-reġistrazzjoni tal-karozzi, naqqasna t-taxxa minn fuq il-part-time u kirjiet, neħħejna t-taxxa fuq il-first time buyers, daħħalna t-third pillar pensions, neħħejna l-periti tal-Gvern, daħħalna l-garanzija għaż-żgħażagħ, l-unjoni ċivili, daħħalna stabbilità fil-prezzijiet tal-fjuwil, fejn taħt dan il-Gvern hemm l-istabbilità, hemm sitwazzjoni fejn fl-aħħar sitt xhur il-prezzijiet tal-fjuwil kienu rħas mill-medja Ewropea.”

Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-miri tad-defiċit u semma' kif aħna konna mdorrijin li naraw baġits ta’ Gvernijiet Nazzjonalisti li qatt ma laħqu l-miri ekonomiċi. “Għada l-poplu jkun jaf  jekk dan il-Gvern ma laħaqx il-miri tiegħu. Matul dawn l-aħħar 18-il xahar żdiedet il-kunfidenza filwaqt li l-ikbar ratings jagħtuh in-nies, il-mara tad-dar, il-mara li toħroġ taħdem, ir-raġel li  joħroġ jaħdem, l-istudenti u l-pensjonanti, dawn kollha flimkien mal-Aġenziji ta’ Kreditu Internazzjonali li lkoll qed jgħidu li pajjiżna miexi 'l quddiem."

More in Politika