“Minn mindu ħa t-tmexxija f’idejh, il-Gvern ħoloq sens ta’ direzzjoni, stabbilità u ċertezza. Konna, għadna u nibqgħu wkoll determinati li nwettqu r-riformi li hemm bżonn” qal Scicluna.
Hu kompla jgħid li l-aħħar baġit poġġa sisien sodi fuqiex il-gvern seta' jkompli jibni. “Dak li wettaqna sa issa qed jissarraf f’riżultati tajbin. L-impjiegi komplew jiżdiedu b’rata ta’ ’l fuq minn dik li konna mdorrijin biha filwaqt li r-rata tal-qgħad kompliet tonqos għal livelli minimi storiċi”.
Il-Ministru qal li t-tema ta’ dan il-baġit huwa “Malta: Nippremjaw il-Bżulija” “Għalhekk, se nkomplu ninċentivaw u nippremjaw ix-xogħol billi ntejbu l-valur tax-xogħol. Irridu nħaddmu l-kunċett ta’ ‘making work pay’ bis-serjetà; li toħroġ taħdem u tkun bieżel, jirrendi. Irridu nkomplu nwasslu l-messaġġ li l-benefiċċji soċjali qegħdin hemm sabiex iwieżnu lil min hu fil-bżonn u u mhux sabiex tinħoloq id-dipendenza fuqhom. B’hekk inkomplu nsostnu l-klima li fiha jinħoloq aktar xogħol u opportunitajiet għal kulħadd” qal Scicluna.
Kompla jgħid li l-miri ta’ dan il-Gvern huma ċari filwaqt li elenka l-viżjoni ekonomika għal Malta. Semma fost oħrajn dawn il-miri tal-gvern:
1. Li niksbu waħda mill-ogħla rati ta’ tkabbir ekonomiku fl-Ewropa;
2. Li nżidu l-impjiegi produttivi u nżommu r-rata tal-qgħad baxxa;
3. Li nkomplu nraħħsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma;
4. Li jitnaqqsu l-piżijiet fuq l-industrija u l-familja speċjalment il-kontijiet tal-enerġija;
5. Li jinċentiva l-ħolqien tax-xogħol kif ukoll lil dawk li jridu jaħdmu;
6. Li jinħoloq ambjent li huwa business friendly u li jrawwem il-kreattività u r-riċerka;
7. Li jinħolqu opportunitajiet ġodda ta’ sħubija bejn il-Gvern u l-privat.