“Il-frott tat-tkabbir ekonomiku bi ħsiebna ninvestuh kollu kemm hu f’pajjiżna u fil-Maltin sabiex inkomplu ngħollu l-livell tal-għixien tal-familji tagħna” qal il-Ministru tal-Finanzi Edward Scisluna hekk kif bħalissa jinsab għaddej bil-qari tal-baġit tal-gvern 2015.
Scicluna qal li l-gvern se jkompli jgħolli l-livell tal-għixien ta’ familji billi jiżdiedu l-opportunitajiet u l-kwalità tal-edukazzjoni, jissaħħu u jitjiebu s-servizzi tas-saħħa, ninvestu fl-infrastruttura u billi tkun sostnuta l-ġustizzja soċjali. “L-għan dejjem kien u jibqa’ ċar għalina: li nibnu Malta li hija aktar b’saħħitha u ġusta fejn il-familji tal-ħaddiema u l-middle class ikunu jistgħu jgawdu l-aqwa livell ta’ għixien fl-Ewropa” qal il-Ministru.
Kompla billi elenka aġenda ta’ riformi li se:
1. Jsaħħu l-familja bieżla; jagħtu spinta lill-intrapriżi u l-ħolqien tax-xogħol; jiġġieldu kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali; jistabbilixxu soċjetà aktar ġusta; jagħtu qafas ġdid għat-Trasport Pubbliku;
2. Jagħtu spinta oħra ’l quddiem lill-ħolqien ta’ ġid f’Għawdex;
3. Ivaraw programm ta’ tiġdid għan-Nofsinhar ta’ Malta;
4. Jipprijoritizza ċerti programmi kapitali u l-ħolqien ta’ spazji ħodor ġodda fil-pajjiż.