
Rapport dwar l-Implimentazzjoni tal-Baġit 2014
Ninsabu ottimisti li din is-sena se nkomplu nnaqqsu d-defiċit għal 2.1%

More in Politika
Ninsabu ottimisti li din is-sena se nkomplu nnaqqsu d-defiċit għal 2.1%
“Dan il-Gvern iwettaq dak li jwiegħed u għalhekk għall-ewwel darba f’dan il-baġit qed nippubblikaw rapport dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tas-sena li għaddiet” qal il-Ministru Scicluna.
“Din turi bidla fil-kultura. Aħna mhux nitkellmu biss iżda nwettqu. Dan ir-rapport li juri li 80 fil-mija tal-miżuri tal-baġit għal din is-sena twettqu filwaqt li 20 fil-mija oħra jinsabu fil-proċess li jitwettqu” qal Scicluna.
Qagħda ekonomika u finanzjarja
Il-Ministru kompla jgħid li matul din is-sena, l-ekonomija Maltija kompliet tikber b’rata b’saħħitha ta’ 3.2% f’termini reali. “It-tkabbir ekonomiku f’pajjiżna huwa fost l-ogħla fl-Unjoni Ewropea”.
Kompla jgħid: “It-tkattir tal-ġid f’pajjiżna għaddejnieh lill-familji tagħna. Hekk, l-ammont totali tal-pagi tal-impjegati kiber b’5.6 fil-mija. Fl-istess waqt, il-profitti tal-kumpaniji żdiedu b’1.7 fil-mija. Fil-qasam tax-xogħol, dan il-Gvern ukoll irnexxielu jikseb riżultati tajbin ħafna. Fuq medda ta’ sena, inħolqu ’l fuq minn 6,000 impjieg ġdid li jfisser aktar minn 17-il impjieg ġdid kuljum. Kien is-settur privat li xpruna l-ħolqien ta’ dawn l-impjiegi permezz tal-ingaġġ ta’ aktar minn 4,000 impjieg ġdid full-time. Setturi bħal manifattura, tar-retail u kostruzzjoni kellhom ukoll żieda fl-impjiegi. Ir-rata tal-qgħad niżlet għal 5.8 fil-mija li hi l-anqas rata li qatt rat Malta kif ukoll fost l-anqas rati fl-Unjoni Ewropea”.
Il-Ministru qal li l-Gvern irnexxielu wkoll jikkontrolla ż-żieda kontinwa u persistenti fil-prezzijiet li kienet qed tkun ta’ piż fuq il-familji Maltin u Għawdxin taħt il-Gvern preċedenti. Spjega li ż-żieda fil-prezzijiet bdiet kull ma tmur tonqos speċjalmenti wara r-roħs fit-tariffi tad-dawl u l-ilma għall-familji Maltin u Għawdxin kollha. Qal li f’Settembru ta’ din is-sena, ir-rata tal-inflazzjoni kienet ta’ 0.6 fil-mija.
“Fil-baġit li għadda, kont għedtilkom li l-qagħda finanzjarja kienet waħda inkorraġġanti u li konna mexjin sabiex nilħqu l-mira ta’ 2.7 fil-mija għad-defiċit għas-sena 2013. Mira li lħaqnieha” qal il-Ministru.
“Ninsabu ottimisti li din is-sena se nkomplu nnaqqsu d-defiċit għal 2.1 fil-mija. Dak li jagħmel lil dan il-Gvern differenti minn ta’ qablu: aħna nagħmlu miri ambizzjużi iżda realistiċi mbagħad naħdmu bla waqfien u b’dixxiplina kbira biex nilħquhom, kif fil-fatt għamilna” qal il-Ministru tal-Finanzi li bħalissa għadu għaddej bil-qari tal-baġit.