Reazzjonijiet immedjati dwar il-baġit 2015

Il-GWU u l-GRTU l-MMF jilqgħu l-baġit 2015. Ikun il-Partit Komunista Malti li qed jgħid li l-maġġoranza tal-ħaddiema xorta se jibqgħu jġorru l-piż

Il-GWU, il-GRTU, il-Partit Komunista Malti u l-Malta Motorsport Federation bir-reazzjonijiet tagħhom

Proposti tal-GWU riflessi fil-baġit

Il-General Workers’ Union tħossha sodisfatta li bosta mill-proposti li ressqet lill-Gvern għall-baġit tal-2015 ġew milqugħa. Il-GWU tinnota b’entużjażmu li l-gvern qed ikompli jagħti sostenn lill-kampanja tagħha kontra l-prekarjat. Fl-istess waqt qed jinċentiva x-xogħol fil-pajjiż b’inċentivi ġodda għat-tkattir tal-ekonomija. Ewlenin fost dawn hemm il-miżuri favur il-ħaddiema nisa u dawk b’diżabbiltajiet. Il-baġit għalhekk ħaseb fil-ħaddiema kollha, kemm dawk ta’ dħul baxx u wkoll is-setturi medji tal-ekonomija, kif ukoll f'dawk l-iktar vulnerabbli fosthom pensjonanti u dawk li jiddependu mis-servizzi soċjali.

Għalhekk il-GWU tifhem li minkejja li l-mekkaniżmu tal-COLA irriżulta f’żieda ta’ 58ċ biss, ġew introdotti miżuri oħra li jgħinu l-aktar nies vulnerabbli mingħajr ma jitfgħu pressjoni fuq setturi oħra tal-ekonomija. Kif riedet il-GWU, l-istudenti wkoll se jgawdu minn dan il-baġit peress li se jirċievu żieda pro rata, kemm tal-COLA u wkoll tal-bonus.

Il-GWU tilqa’ b’sodisfazzjoni l-impenn tal-Gvern li jkompli jagħmel l-enerġija aktar aċċessibbli għall-ħaddiema, bi traħħis fil-prezz tal-fjuwil kif ukoll bi tnaqqis pjanat fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma għan-negozji. Dan għandu jkun rifless f’aktar impjiegi u kundizzjonijiet tax-xogħol aktar dinjitużi għall-ħaddiema.

Filwaqt li l-baġit 2015 qed jagħti aktar opportunitajiet għal min verament irid jaħdem, fl-istess hin irażżan lil min qed jabbuża mill-benefiċċji soċjali. Il-GWU għalhekk hija kuntenta li l-gvern qed jaħdem għal soċjetà aktar ġusta li tirrispetta liċ-ċittadin onest u fl-istess ħin ma ċċaħħad lil ħadd minn għixien diċenti.

Il-GWU hija wkoll sodisfatta li l-baġit qed jintroduċi miżuri li jinċentivaw in-negozji biex ikunu aktar konxji mill-ambjent, mingħajr ma jaffettwa l-kompetittività tagħhom.

F'dan il-baġit tħabbru wkoll żidiet minimi fuq ċertu servizzi u prodotti u l-GWU għad trid tara l-impatt ta' dawn iż-żidiet fuq l-għoli tal-ħajja.

Din hija l-ewwel reazzjoni tal-GWU għall-baġit 2015. Ir-reazzjoni uffiċjali tal-Union tingħata fil-jiem li ġejjin wara diskussjoni fil-Kunsill Nazzjonali tal-Union.

Il-GRTU tilqa' l-Baġit 2015 – Tistenna l-Implimentazzjoni tal-Miżuri Prinċipali

Il-GRTU elenkat ħames prijoritajiet bi proposti speċifiċi għalihom – tlieta minn dawn ġew minsuġa direttament fil-Baġit għal din is-sena. Il-GRTU tilqa l-inklużjoni tagħhom iżda kollox jiddependi minn implimentazzjoni effettiva u f’waqtha. Il-GRTU tistenna li bl-istess mod li kienet il-moħħ wara l-proposti msemmija, issa tkun involuta direttament fl-amministrazzjoni.

Il-GRTU tilqa b’sodisfazzjon kbir l-impenn tal-Gvern sabiex jeħles lin-negozji Maltin minn taxxa inġusta fil-forma ta’ Eko-Kontribuzzjoni. It-tneħħija tal-Eco-Tax kienet waħda mill-proposti prinċipali tal-GRTU għal Baġit 2015. Għalkemm f’dan l-istadju din il-miżura kif mħabbra fil-Baġit teskludi numru ta’ prodotti, il-GRTU tikkunsidraha bħala rebħa kbira wara pressjoni kontinwa mill-istess GRTU u speċjalment għaliex is-soluzzjoni proposta mill-GRTU tidher li ġiet addottata.

Minkejja dan, il-GRTU hija kawta fir-reazzjoni tagħha minħabba li s-sena l-oħra wkoll laqgħet l-impenn tal-Gvern sabiex jirrevedi l-Eco-Tax, iżda sal-llum, sena wara għadhom ma ntlaħqu ebda riżultati. Din is-sena l-Gvern introduċa data ta’ skadenza ta’ għaxar xhur għal din it-taxxa, liema perjodu il-Gvern iqis bħala neċessarju sabiex jiġu affetwati l-bidliet meħtieġa f’konformita’ mad-direttiva WEEE. Il-GRTU se tkompli ssegwi din il-materja mil-qrib sabiex tassigura li tiġi implimentata fil-perjodu stipulat u tistenna li tiġi missieħba fl-attwalizazzjoni. Il-GRTU b’hekk tkun qed tassigura li s-sistema l-ġdida tkun ġusta u tistabilixxi kundizzjonijiet ekwi.

Il-GRTU tilqa' wkoll l-impenn tal-Gvern sabiex jindirizza kompetizzjoni inġusta permezz ta’ numru ta’ proposti speċifiċi. Din kienet ukoll wiegħda fil-Baġit 2014 li fil-baġit ta’ din is-sena il-Gvern qiegħed jiffoka iżjed dwarha. Il-kwistjoni ta’ kompetizzjoni inġusta ilha teqred lill-intrapriżi ta’ rieda tajba u l-GRTU għamlitha ċara li dan mhux aċċettabli. L-implimentazzjoni u l-infurzar effettiv huma essenzjali sabiex tintlaħaq kompetizzjoni ġusta u għalhekk se nkunu wkoll qiegħdin insegwu l-implimentazzjoni ta’ din il-miżura.

Fir-rigward ta’ sorsi ta’ finanzjament (Access to Finance) għal-intrapriżi żgħar u medji, materja oħra mtella’ fuq l-aġenda mill-GRTU, il-Gvern għandu numru ta’ pjanijiet li, flimkien mal-investigazzjoni li għaddejja kurrentement mill-MCCAA, għandha ittejjeb l-ambjent tas-self għal-intrapriżi żgħar u medji.

Fuq nota iżjed negattiva, il-GRTU talbet ir-revoka taż-żidiet tal-liċenzji ta’ vetturi kummerċjali introdotti s-sena l-oħra. Sfortunatament din ma kinitx inkluża. Il-GRTU se tkompli tinsisti mal-Gvern li dawn iż-żidiet ġew introdotti mingħajr ebda konsultazzjoi u mingħajr ebda valutazzjoni tal-impatt ekonomiku. Minn ħarsa ġenerali tal-baġit ta’ din is-sena jinħass li jistgħu jiġu prevvisti iżjed żidiet. Il-GRTU tħoss li dan jaffettwa l-kompettivita’ tan-negozji b’mod negattiv ħafna u għalhekk immedjatament il-GRTU se tagħmel ħilitha fl-indirizzar ta’ din il-kwistjoni.

 

“Ebda żieda fil-paga minima” – Partit Komunista Malti
 
Il-Partit Komunista Malti jqis il-Baġit bħala wieħed li għalkemm fih numru ta’ miżuri pożittivi bħal għotja ta' darba ta' €1,000 għal kull wild għal dawk li jaqilgħu paga minima, inċentivi għal persuni b'diżabilità, tnaqqis ta’ taxxa għal min jixtri l-ewwel proprjetà, titjib fil-leave tal-maternità, żieda fil-benefiċċji lill-anzjani, u introduzzjoni ta’ miżuri biex tinqered l-prekarjetà, xorta waħda l-paga minima baqgħet ma żdiditx.
 
"Il-Partit wkoll iħoss li l-miżura biex titnaqqas aktar ir-rata tat-taxxa tad-dħul għal 25% għal dawk komdi bħala waħda anti-soċjali. Il-Gvern kellu jqassam b’mod aktar ġust dan it-tnaqqis fost il-ħaddiema li jaqilgħu inqas minn €20,000 permezz ta’ aġġustar ta’ ‘tax ceiling’".
 
Il-Partit Komunista Malti kkonkluda billi qal "li għalkemm il-bonus €35 kien pass fid-direzzjoni t-tajba, iħoss li dan ma kienx biżżejjed. Il-maġġoranza tal-ħaddiema xorta se jibqgħu jġorru l-piż minflok dawk komdi."

Malta Motorsport Federation jilqa' l-Espressjoni ta' Interess għall-Ċirkwit tal-Motorsport fil-Baġit 2015

Malta Motorsport Federation (MMF) jilqa' l-miżuri mħabbra fid-diskors tal-baġit lejn l-progressjoni tal-isport tagħna ma' l-aħbar tal-Espressjoni ta' Interess biex jiġu identifikati investituri privati ​​interessati fl-iżvilupp u l-ġestjoni ta' Cirkwit tal-Motorsport mill-Onor Ministru Edward Scicluna.

Il-Federazzjoni qalet li l-iżvilupp ta' Ċirkwit f'Malta kien dejjem l-ogħla prijorità tal-programm tal-Federazzjoni, għax dan jgħin fit-tkabbir u s-sostenibbiltà tal-isport, biex b'hekk jitnaqqsu diversi spejjeż u problemi lil dilettanti tagħna billi preżentament dawn iridu jivvjaġġaw barra l-pajjiż biex jipprattikaw l-isport tagħhom f'ambjent sikur u xieraq. Barra minn hekk, il-Federazzjoni tilqa' wkoll l-eliminazzjoni ta' taxxa tar-reġistrazzjoni fuq muturi antiki li qiegħda tagħti inċentiv ieħor għall-kollezzjonisti ta’ dan il-qasam biex b'hekk tiġi eliminata l-anomalija eżistenti.

Il-Federazzjoni jixtieq jirringrazzja lill-Onor. Edward Scicluna u l-Onor. Chris Agius u l-gvern tali appoġġ konkret billi rrikonoxxa l-valur miżjud li l-isport tagħna jista' jagħti lis-settur ekonomiku.

More in Politika