
L-MUT tikkritika l-baġit 2015
"L-istudenti tas-sekondarja għandhom jingħataw edukazzjoni b'xejn bħalma jsir fi skejjel Ewropej"
minn Staff Reporter

Fi stqarrija li ntbagħtet lill-istampa l-Malta Union of Teachers (MUT) semmiet għadd ta' punti u kkummentat dwar in-nuqqas ta' konsultazzjoni li kien hemm mal-istess union qabel il-baġit 2015.
"L-ewwel punt imsemmi kien li l-MUT tiddikjara li hi kontra li jiżdied jew jinbidel il-ħin tal-iskola formali biex wieħed isolvi l-problema tat-trasport u tat-traffiku. Il-Union temmen li l-problema kif ġiet deskritta ġabha b’idejh il-Gvern meta fl-2012 daħal f’kuntratt ta’ snin twal, liema kuntratt mhux aċċettabbli. Il-Union temmen li wasal iż-żmien li jiġi mtejjeb it-trasport pubbliku b’mod effettiv u li l-istudenti Maltin tas-sekondarji, bħal sħabhom fl-Ewropa, jingħataw ‘pass’ għal transport b’xejn. Din issolvi diversi problemi, fosthom tat-traffiku, tal-ibbuljar fuq it-trasport tal-iskejjel fejn l-istudenti jkunu bla superviżjoni, u anki tagħti edukazzjoni informali siewja għall-ħajja lill-istudenti. Il-Union iżżid ukoll li ma saret l-ebda konsultazzjoni magħha qabel il-baġit fuq din il-proposta."
"Fl-istqarrija ngħad ukoll li la l-ispiża tal-edukazzjoni se tiżdied b’10%, meta tqis li 2.5% minnhom se jkunu żieda fil-pagi, u li l-ispiża sostanzjali se toħroġ fuq il-leave sabbatiku u miżuri oħra bħal dik tal-ġarr tal-esperjenza, il-fondi li se jifdal aktarx se jkunu ftit wisq biex isir investiment suret in-nies fl-edukazzjoni biex jingħata tagħlim ta’ kwalità, jitnaqqsu l-popolazzjonijiet fil-klassijiet u jittieħdu miżuri oħra sabiex l-esperjenza ta’ tagħlim tkun waħda iktar ‘student-centred’ u pożittiva. Barra minn dan, iż-żieda ta’ ‘l fuq minn 2,000 student barrani fl-iskejjel matul dawn l-aħħar xhur tfisser żieda ta’ madwar €8 miljun fl-ispiża rikorrenti li wkoll se titnaqqar minn dawn l-10%. L-appoġġ tant meħtieg fl-iskejjel ta’ staff klerikali u ta’ minor staff ma jidhirx li hu rifless f’dan il-baġit. Iktar minn hekk, lanqas ma hija riflessa l-ispiża kapitali li trid issir sabiex jiġu mibdula l-laptops obsoleti li qed jipprovaw jaħdmu bihom l-għalliema, liema laptops qed litteralment jaqgħu biċċiet. Lanqas ma hemm proviżjon biex jingħataw laptops jew għodda elettronika għall-Kindergarten Assitants u LSAs. Għaldaqstant il-Union tikkonkludi li meta wieħed jikkonsidra kollox l-10% mhix biżżejjed u hija ħafna inqas milli fil-verità r-realtà tal-lum teħtieġ. Fil-verità l-problemi li hemm fis-sistema se jibqgħu mhux indirizzati minħabba nuqqas ta’ fondi."
"Il-Union tilqa’ l-miżura pożittiva biex jiġi miġġieled l-assenteiżmu meta ngħatat somma għal familji foqra jekk uliedhom jattendu għal tal-anqas 95% mill-iskola. Madanakollu dan il-baġit jidher li ma daħalx f’miżuri li għandhom jittieħdu kontra dawk il-ġenituri li huma negliġenti fil-konfront ta’ wliedhom u li ma jridux jissaportjaw l-iskola fil-ħidma tagħha."
"Il-Union issaqsi dwar il-miżura li tingħata somma ta’ €200 għall-penzjonanti li għandhom il-penzjoni tat-teżor. Madankollu mhux ċar liema persuni se jibbenefikaw minn din l-iskema – jekk hux il-penzjonanti li għadhom se jirtiraw jew dawk li rtiraw digà. Nittamaw li ma jiġux minsija dawk li diġà rtiraw."
"Il-fatt li l-ġenituri li jaħdmu ser jitnaqqsilhom il-benefiċċju tat-tfal jekk jaħdmu imma ma jitilfux il-benefiċċju sħiħ, nemmnu li huwa pass pożittiv. Madanakollu l-Union mhix ċerta kemm se tkun qed tgħin dawk il-ġenituri li l-ħiliet tagħhom huma baxxi wisq biex isibu impieg ta’ ħlas sura. Il-gvern irid jassigura li jinstab bilanċ soċjali anke għall-ġid tat-tfal infushom."
"L-MUT kienet qed tistenna li tara miżuri konkreti sabiex il-ġenituri kollha jingħataw taħriġ dwar kif irabbu u jedukaw lit-tfal tagħhom fid-djar. Meta tqis li madwar 70% tal-formazzjoni tat-tfal tiġi mid-dar u mis-socjetà, wieħed kien jistenna li jara miżuri sabiex nassiguraw li t-tfal Maltin ikollhom ambjent b’saħħtu fil-familji rispettivi tagħhom."
Il-Union tikkonkludi li tittama li dawn il-punti jiġu indirizzati matul id-dibattiti sussegwenti fuq l-istess baġit.