“Il-Gvern m’għandux politika ċara fit-trasport” - AD

Huwa inaċċettabbli li Malta se tkun qed tixtri l-enerġija bi prezz doppju tar-rata preżenti tas-suq

Arnold Cassola
Arnold Cassola

Fl-ewwel reazzjoni ta' AD għall-baġit 2015, iċ-Chairperson tal-Alternattiva Demokratika, Arnold Cassola, qal “Mil-lat pożittiv, it-tnaqqis tal-benefiċċji soċjali bil-mod il-mod għal min jidħol fid-dinja tax-xogħol jew għat-taħriġ, minflok jinqatgħu f'daqqa, hija miżura tajba. L-għajnuna finanzjarja żejda lill-ġenituri li jrabbu hija miżura ta' min ifaħħarha.

Iż-żieda fil-ħlasijiet għal-leave tal-maternità, partikolarment għan-nisa self employed, hija pass tajjeb 'l quddiem. Nixtiequ, iżda, li l-limitu propost tal-paga minima jitneħħa.

Il-miżuri kontra l-prekarjat u biex jittaffa l-faqar huma pożittivi.

L-istess il-fatt li l-gvern neħħa finalment il-ħtieġa għall-importaturi ta' oġġetti elettriċi u elettroniċi li jkollhom responsabbiltà doppja li jiddisponu mill-iskart kemm bl-eko-tax kif ukoll bid-direttiva WEEE. Din il-miżura ilha tiġi posposta seba’ snin. Issa l-importaturi ta' apparat elettriku u elettroniku se jkunu responsabbli b'mod sħiħ u dirett huma stess għall-ġbir u r-riċiklaġġ tal-iskart elettriku u elettroniku.

L-obbligu li min iħaddem irid jimpjega persentaġġ ta' persuni b'diżabilità ilu jeżisti sa mis-snin sittin. Nistennew li issa jsir l-infurzar ta' din il-liġi kif suppost.

L-inċentiv fiskali għall-kumpaniji li jagħtu iktar minn €2,000 lill-Community Chest Fund hija miżura pożittiva, imma mhux sew li din tkun limitata biss għan-negozjanti. Għandha tkun estiża għal kulħadd. Anke min jagħti donazzjonijiet lil NGOs reġistrati għandu jkun eżentat.

It-tnaqqis ta' 15% mit-taxxa lil dawk li jinvestu f'pensjoni privata (it-tielet pilastru) ukoll hija tajba, imma din jistgħu jgawdu minnha biss dawk li jistgħu jħallsu għal pensjonijiet privati. Il-gvern kien missu kkonċentra fuq il-pensjonijiet tat-tieni pilastru, li jinqasmu bejn il-gvern, il-ħaddiema u min iħaddem.

Iż-żieda fit-taxxa diretta, fuq prodotti li jagħmlu l-ħsara, bħas-sigaretti u spirti, hija xi ħaġa ġusta.

Iż-żieda redikola ta' 58 ċenteżmu fil-ġimgħa għall-għoli tal-ħajja ma tirriflettix iż-żieda vera fl-għoli tal-ħajja, li ġiet affettwata statistikament mit-tnaqqis ta' 25% fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma.

Alternattiva Demokratika qed tistaqsi x'qiegħed jiġri fil-power station il-ġdida ta' Delimara. Huwa inaċċettabbli li Malta se tkun qed tixtri l-enerġija bi prezz doppju tar-rata preżenti tas-suq.

Rigward it-trasport pubbliku, jeħtieġ li nkunu nafu t-termini tal-ftehim ma' Autobuses de Leon. Xtaqna nkunu nafu mill-gvern id-dettalji tal-policies biex iħajjar aktar nies jużaw it-trasport pubbliku.

Dwar it-trasport sostenibbli, għalkemm l-inċentivar tar-roti u tar-roti elettriċi, għalkemm b'rata minima, huwa bidu tajjeb, li hemm bżonn huwa investiment f'infrastruttura tajba għal din il-forma ta' trasport alternattiv. Fl-istess nifs li l-Gvern jgħid li jrid inaqqas it-traffiku, jgħid ukoll li jrid iżid il-parkeġġ - xhieda li l-Gvern m'għandux politika ċara fil-qasam tat-trasport.

Il-komunitajiet lokali għal darba oħra baqgħu bl-istess baġit li ilhom bih għal dawn l-aħħar snin. Minkejja r-retorika politika l-Kunsilli Lokali għal darba oħra mhux se jkollhom biżżejjed flus biex jaqdu l-ħtiġijiet bażiċi tal-komunitajiet tagħhom. Lanqas m'hemm indikazzjoni jekk il-Kunsilli Lokali humiex se jibdew idaħħlu l-fondi mil-liċenzji tal-ħwienet u liċenzji oħra.

Rigward it-taxxi, filwaqt li t-taxxa tad-dħul reġgħet tnaqqset għal darb'oħra għal dawk li jaqilgħu bejn €19,500 - €60,000, dan wassal għal żieda f'taxxi oħra indiretti, kif kienet ipprevediet AD qabel l-elezzjoni. Huwa dawk li jaqilgħu paga minima jiġu aġevolati b'miżuri soċjali iżda għandna naslu biex ikun hemm reviżjoni perjodika tal-paga minima, għax hija paga diċenti li fl-aħħar mill-aħħar tagħti dinjità lill-ħaddiema.

Il-gvern naqas ukoll milli jindirizza l-kwistjoni tal-eżenzjoni mit-taxxa ta' kumpaniji barranin. Wara l-Lussemburgu u l-Olanda, l-UE diġà bdiet tinvestiga l-inċentivi fiskali li Malta toffri lil kumpaniji barranin biex jibdew joperaw ġewwa Malta. Il-kwistjoni li għandu jkun hemm level playing field għal kulħadd f'dak li għandu x'jaqsam ma' tassazzjoni ma jistax jingħata l-ġenb.

More in Politika