Il-konsultazzjoni għandha ssir qabel u mhux wara - UĦM
"Il-miri għandhom jintlaħqu mhux jissemmew biss" - UĦM dwar il-baġit 2015
More in Politika
"Il-miri għandhom jintlaħqu mhux jissemmew biss" - UĦM dwar il-baġit 2015
Waqt li l-UĦM tinnota li l-previżjonijiet ta’ tkabbir ekonomiku bir-rata ta’ 3.5% jidhru pożittivi, il-UĦM tisħaq dwar l-importanza li l-miri ekonomiċi għandhom ikunu milħuqa u mhux jibqgħu biss miri.
Huwa pożittiv li l-livell tal-qgħad skont il-Labour Force Survey huwa fil-livell ta’ 5.8%. Importanti li l-gvern jgħaraf li l-ħaddiema mal-gvern għandhom jiġu ngaġġati skond l-esiġenza tas-servizz pubbliku u mhux skont esiġenzi partiġġjani.
Filwaqt li huwa tajjeb li t-taxxa fuq id-dħul kompliet tinżel kif imfassla mill-gvern preċedenti, il-UĦM wisq tibża’ li t-taxxi indiretti jolqtu b'mod dirett li dawk il-ħaddiema bi dħul l-aktar baxx. Il-UĦM tilqa’ b'sodisfazzjon li l-proposti li kienu saru fil-politika tal-JOBS+ komplew jidħlu fis-seħħ u b'riżultat ta’ dan se nkunu qegħdin ninċentivaw lill-persuni inattivi biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol.
Il-UĦM tilqa’ wkoll inizjattivi favur il-leave tal-maternità. Nieħdu gost ukoll ninnutaw numru ta’ inizjattivi favur iż-żgħażagħ. Il-UĦM tiġbed l-attenzjoni lill-gvern li aktar minn 50% ta’ mpjiegi ġodda qed jittieħdu mill-barranin. Dan juri dak li dejjem saħqet il-UĦM li għandna nsaħħu t-taħriġ vokazzjonali u l-apprentistat biex nindirizzaw dawk l-4 minn kull 10 żgħażagħ li mhux qed ikomplu fl-edukazzjoni tagħhom.
Filwaqt li l-UĦM mhux kontra l-kunċett tal-PPP, tinnota li l-gvern beda l-proġett pilota tiegħu fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Bormla mingħajr ebda konsultazzjoni. Il-konsultazzjoni għandha ssir qabel u mhux wara.
Fl-aħħarnett, il-UĦM tinnota illi ġiet imsemmija inizzjativa biex tindirizza l-prekarjat. Din il-unjin tfakkar li s-sena l-oħra l-istess gvern aċċetta l-proposta tagħha tal-Koperattivi Soċjali li kellha l-għan li tindirizza l-prekarjat wkoll. Iżda f’tul ta’ sena, il-gvern ma sab l-ebda ċans biex jikkonsulta u jimplimenta mal-UĦM. Il-UĦM tawgura li l-proposti ta’ kulħadd fejn jidħol il- prekarjat jaraw id-dawl tax-xemx.