Wara 5 xhur inaddfu l-ħmieġ baqgħu bla xogħol

L-inizjattiva għal ħolqien ta’ mpjiegi ‘Greener & Cleaner Gozo'

L-inizjattiva għal ħolqien ta’ mpjiegi ‘Greener & Cleaner Gozo’
L-inizjattiva għal ħolqien ta’ mpjiegi ‘Greener & Cleaner Gozo’

F’Mejju ta’ din is-sena l-Ministeru għal Għawdex kien ħabbar skema li kellha tipprovdi xogħol għal perjodu ta’ 20 ġimgħa lil numru ta’ persuni li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol. Skema li l-għan aħħari tagħha kien li finalment jinstabu impjiegi permanenti għal dawk li kienu fl-iskema.

Jidher iżda li minn total ta’ 166 parteċipant 9 biss sabu mpjieg. Uħud minn dawk li spiċċaw barra tkellmu ma’ din il-gazzetta u qalu li jinsabu urtati ferm għal fatt li wara ħames xhur inaddfu l-ħmieġ li kien hemm f’diversi żoni f’Għawdex, dawn spiċċaw barra u baqgħu bla xogħol.
Dawk li tkellmu magħna qalu li huma kienu mwiegħda li jekk jidħlu fl-iskema kienu se jibqgħu xorta fuq ir-reġistru tax-xogħol filwaqt jingħataw paga ta’ €75 għal 20 siegħa jew €145 għal 40 siegħa fil-ġimgħa.

Qalulhom li l-parteċipazzjoni tagħhom f’din l-iskema ta’ ħames xhur kienet sabiex huma jnaddfu l-bajjiet u spazji pubbliċi kif ukoll li se jkollhom l-opportunità li jieħdu espjerjenzi ta’ xogħol ma’ Dipartimenti tal-Gvern, NGO’s u mas-settur privat.  
Dawn il-ħaddiema qalu li meta kellmuhom mill-Ministeru kienu spjegawlhom li din l-iskema se twassal biex matul il-ħames xhur tas-sajf huma jsibu impieg formali u permanenti u b’hekk jibdew jikkontribwixxu għall-iżvilupp personali tagħhom u tal-pajjiż. Huma jinsabu urtati ferm għal fatt li ntbgħatu jnaddfu l-ħmieġ matul ix-xhur tas-sajf fl-eqqel tax-xemx u li wara ħames xhur xogħol, disgħa biss minnhom ġew offruti mpjiegi permanenti.

Jidher li dawk li staqsew kif baqgħu bla xogħol qalulhom li r-raġuni hi li ma kellhomx il-ħiliet neċessarji għal ċerta mpjiegi. Dawn il-ħaddiema lmentaw li kienu jippreferu li kieku minflok intbagħtu jnaddfu l-ħmieġ, l-iskema offritilhom taħriġ edukattiv li seta’ jwassalhom sabiex ikunu eliġibbli għal ċerta xogħlijiet bażiċi li ma jirrikjedux ħafna skola.

Jidher li ħafna minnhom huma urtati anke għall-fatt li kienu qed jistennew li l-kulur politiku tagħhom kellu jwassalhom sabiex jinstabilhom impjieg mal-gvern jew mal-ministeru t’Għawdex. Fost il-kritika ta’ dawk li tkellmu ma’ din il-gazzetta kien hemm min irraġuna li la kien għadhom mingħajr impjieg, l-iskema kellha tittawwal b’aktar xhur għax skont huma, l-ħmieġ irid jitnaddaf is-sena kollha u mhux fis-sajf biss.
Intant din il-gazzetta talbet lis-segretarjat fil-Ministeru għal Għawdex biex jikkonferma kemm kien hemm ħaddiema b’kollox li pparteċipaw f’din l-iskema ta’ 20 ġimgħa u kemm kien hemm minnhom li nstabilhom impjieg permanenti fi tmiem l-iskema. Staqsejna wkoll kemm swiet b’kollox l-iskema ta’ din is-sena u jekk hemmx xi ħsieb li din l-iskema terġa’ tinfetaħ fiż-żmien li ġej.

Fi tweġiba s-segretarjat mill-Ministeru għal Għawdex qal li l-iskema Greener and Cleaner kienet ħolqa minn sensiela ta’ inizjattivi tal-Ministeru għal Għawdex biex ikompli jħeġġeġ klima pożittiva fil-qasam tal-impjiegi favur l-impenn elettorali ta’ xogħol f’Għawdex għal Għawdxin. L-iskema esponiet mat-300 ħaddiem inattivi għal perjodu definit ta’ esperjenza fuq il-post tax-xogħol jew taħriġ u għalhekk serviet bħala opportunità oħra biex aktar persuni jersqu eqreb tad-dinja tax-xogħol.

Ir-rekord pożittiv tal-ewwel dsatax-il xahar ta’ din l-amministrazzjoni, bit-tnaqqis ta’ 4% fin-numru ta’ nies jirreġistraw, jikkuntrasta mal-andament negattiv matul l-istess perjodu taħt l-amministrazzjoni preċedenti, fejn il-qgħad żdied b’5%. Is-segretarjat temm jgħid li mill-bidla tal-amministrazzjoni kien hemm titjib ta’ aktar minn 600 impjieg full-time, inkluż f’setturi li kienu ilhom snin twal jaraw tnaqqis bħal manifattura.
 

More in Politika